Lokali

Il-GTA tappella għal konnessjoni bl-ajru u miżuri ta’ protezzjoni kontra maltempati estremi

Il-maltempata bla preċedent ta’ din il-ġimgħa kkawżat ħerba madwar il-Gżejjer Maltin. B’mod partikolari, wasslet għas-sospensjoni tas-servizzi tal-vapur, u ħalliet lil Għawdex prattikament maqtugħ minn Malta u mid-dinja.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex (GTA) temmen bis-sħiħ li mezz ieħor ta’ konnettività bejn il-gżejjer, jiġifieri konnessjoni bl-ajru, kien itaffi dawn l-inkonvenjenzi u jipprevjeni t-telf ta’ ljieli ta’ akkomodazzjoni minn viżitaturi barranin kif ukoll it-tfixkil fl-ivvjaġġar tal-vjaġġaturi lokali. Operazzjoni fissi b’ajruplan li jgħaqqad lil Għawdex mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) tkun ta’ importanza infrastrutturali vitali kontra kundizzjonijiet avversi tal-baħar. Issa li l-permessi meħtieġa tal-ippjanar ingħataw, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex tappella biex jibdew immedjatament ix-xogħlijiet fuq l-ajruport rurali f’Ta’ Lambert.

L-Assoċjazzjoni tinnota wkoll li, minħabba t-tibdil fil-klima, kundizzjonijiet estremi simili jistgħu jsiru aktar frekwenti fil-futur. Dawn mhux biss se jaffettwaw il-konnettività bejn il-gżejjer, iżda wkoll jikkawża għargħar f’lokalitajiet kostali baxxi, kif deher f’Marsalforn u x-Xlendi waqt il-maltempata riċenti. Iż-żewġ resorts diġà għandhom master plans fis-seħħ, u l-pjan ta’ Marsalforn jinkludi l-bini ta’ breakwater.

Il-GTA tappella lill-awtoritajiet konċernati biex jibdew it-tħejjijiet għal dan il-proġett kruċjali, li jipprovdi kenn għall-bajja, jipproteġi l-istabbilimenti tal-ikel u r-residenzi tul il-front tal-baħar, u jservi bħala port alternattiv għall-Port tal-Imġarr.

Fl-aħħar nett, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex tesprimi ringrazzjament sinċier tagħha lill-impjegati ta’ Gozo Channel, li wettqu d-dmirijiet tagħhom taħt kundizzjonijiet estremament diffiċli nhar it-Tnejn li għadda.

L-Assoċjazzjoni tirringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, kif ukoll lill-Pulizija u lill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, għall-ħidma bla heda tagħhom fit-tindif tal-fdalijiet u fir-restawr tal-ordni wara l-maltempata.