Korrispondenza interna tal-ARMS żvelata llum mill-Partit Nazzjonalista turi li fit-taħwida tal-Eko-riduzzjoni fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, oriġinarjament kien hemm madwar 50,000 kont affettwati u mhux “ftit mijiet” kif intqal mill-Ministru Miriam Dalli.
Minkejja f’dan, kemm l-ARMS u anke l-Gvern komplew għaddejjin bil-gideb tagħhom biex jippruvaw jiddefendu din il-froġa waqt li dawk fit-tmexxija tal-ARMS, li jgawdu fiduċja sħiħa tal-Ministru, għadhom hemm. Il-Ministru Miriam Dalli għandha terfa’ r-responsabbiltà għal dawn id-deċiżjonijiet għax ħalliet f’postu lil min wettaq dawn l-iżbalji li effettaw eluf ta’ nies, u allura hija kompliċi.
L-emails li juru kemm hi kbira l-problema li wasslet biex eluf ta’ familji jinsterqu mill-Gvern fil-kontijiet kienu żvelati f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċċji tal-ARMS fil-Blata l-Bajda mix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut u mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea li komplew jesponu kif il-Partit Laburista u l-ARMS mhux biss gidbu lill-konsumaturi, imma kienu jafu li qed jigdbu.
Dan meta qalu li l-problema hija solvuta, imma mijiet ta’ nies qed jindunaw bl-iżbalji fil-kont tagħhom issa – inkluż kontijiet li ħarġu fl-aħħar xahrejn għal meters ġodda – wara li kixef dan l-iskandlu l-Partit Nazzjonalista. Li ma kienx għall-Oppożizzjoni, dawn in-nies qatt ma kienu se jindunaw li qed iħallsu żejjed.
U bl-istess mod li kien bis-saħħa tal-PN li dan is-serq inkixef, kien ukoll wara l-pressjoni li għamlet l-Oppożizzjoni li issa l-Ministru Dalli stenbħet u ħatret audit indipendenti biex jinvestiga.
Ix-Shadow Ministers staqsew min se jagħmel dan l-audit u meta se jitlesta, waqt li sostnew li din l-investigazzjoni messha saret sena ilu meta l-ARMS indunat bil-problemi u ma setgħetx issib tarfhom. Issa tard wisq, u ntilfet il-fiduċja fit-tmexxija tal-ARMS wara dan it-taħwid u jsiru kemm isiru audits il-konsumaturi ma jistgħux iserrħu rashom minn dawk li joħroġ mill-ARMS.
L-emails żvelati mill-kelliema tal-Partit Nazzjonalista jikkonfermaw li l-ARMS ilha taf li l-problema li nqalgħet fl-2024 ma ġietx solvuta għal kulħadd minn Frar 2025, meta mill-customer care tagħha stess ġibdu l-attenzjoni li qed jiltaqgħu ma’ nies li baqgħu affettwati. Iċ-Chief Operating Officer tal-ARMS Nikita Zammit Alamango – li ffirmat l-istqarrija li gidbet lill-konsumaturi – hija kkupjata f’dawn l-emails.
Filwaqt li huwa inaċċettabbli li jekk il-konsumaturi ma jindunawx bil-problema u jmorru għand l-ARMS, ma jiġux infurmati li qed jitilfu dan il-benefiċċju u qed iħallsu aktar, huwa inaċċettabbli aktar li entità bħall-ARMS tigdeb lill-konsumaturi. U huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-awtorità responsabbli mill-ħarsien tal-konsumatur u r-regolatur tas-servizzi tal-enerġija u l-ilma jinvestigaw il-każ.
Prova oħra ċara tad-diżastru li hemm fl-ARMS illum tort tal-inkompetenza fit-tmexxija toħroġ minn skandlu ieħor li seħħ ftit tax-xhur ilu, u li d-dettalji tiegħu kienu żvelati waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet.
F’Novembru li għadda sparixxew 1,280 pagament tan-nies mis-sistema tal-ARMS, li kienu jammontaw għal total ta’ €324,428.12. L-ARMS indunat biss b’dan wara li waslulha l-ilmenti tan-nies li bdew jaraw kontijiet għadhom pendenti meta dawn kienu ħallsuhom. Fid-29 ta’ Diċembru l-ARMS ippruvat tirranġa dawn l-iżbalji fis-sistema, imma kien baqa’ 217-il pagament li baqgħu jagħtu l-problemi, tant li kellhom jiġu rranġati manwalment. Anke f’dan il-każ, kollox inżamm moħbi.
Mark Anthony Sammut u Graziella Galea staqsew kif jistgħu l-konsumaturi jkollhom fiduċja f’din l-entità li hija mifnija b’dan it-taħwid kollu. Il-konsumatur illum mhux talli ma jistax jafda kif qed jinħadimlu l-kont, imma lanqas jista’ jafda li l-ħlas li jkun għamel ġie rreġistrat fis-sistema tal-ARMS.
Is-sitwazzjoni tal-biki li tinsab fiha l-ARMS illum hija kollha frott deċiżjonijiet politiċi li ħadet il-Ministru Miriam Dalli li dawret din l-entità pubblika f’każin Laburista, b’sensiela ta’ promozzjonijiet lil tal-qalba u li ħolqu inġustizzji kbar. Dan wassal biex kien hemm sensiela ta’ riżenji ta’ nies kompetenti li spiċċaw telqu għax ma felħux aktar.
Minflok ħadet azzjoni immedjata, il-Ministru baqgħet tiddefendi lil dawn il-persuni u dan hu biss konferma li Miriam Dalli kienet taf x’qed jiġri sa mill-bidu. Għalhekk għandha terfa’ r-responsabbiltà.
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Gvern jirrifondi l-flus kollha misruqa lill-familji affettwati. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista fil-gvern jassigura li kull ċenteżmu misruq mill-Gvern lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin f’din il-froġa tal-ARMS jintradd lura lilhom.
//= $special ?>




