Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ordnat li Noel Azzopardi jinżamm f’kustodja fl-Isptar Monti Karmelu wara li ġurija sabet li, għalkemm ma kienx fi stat ta’ ġenn fil-mument tal-allegati reati, illum jinsab fi stat ta’ ġenn skont il-liġi u mhuwiex f’pożizzjoni li jsegwi l-proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu.
Noel Azzopardi għadda ġurin fejn ġie mixli li spara u qatel lil Eric Borg ta’ 27 sena, fir-Rabat – propju fl-ewwel tas-sena ta’ sentejn ilu. Azzopardi jinsab mixli b’erba’ imputazzjonijiet marbuta ma’ omiċidju u reati relatati mal-użu u l-ħażna ta’ armi tan-nar, allegatament imwettqa fl-1 ta’ Jannar 2024 f’Rabat. Il-ġuri, li beda fit-12 ta’ Jannar 2026, kellu jiddeċiedi fuq il-kwistjoni tal-istat mentali tal-akkużat kemm fiż-żmien tar-reati kif ukoll fil-preżent.
Fil-verdett mogħti fis-16 ta’ Jannar 2026, il-ġurati b’seba’ voti favur u tnejn kontra sabu li Azzopardi ma kienx fi stat ta’ ġenn fil-mument tal-kummissjoni tar-reati kollha. Madankollu, b’tmien voti favur u wieħed kontra, il-ġurija sabet li llum jinsab fi stat ta’ ġenn skont il-liġi u għaldaqstant mhuwiex kapaċi jsegwi l-proċeduri kriminali.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti applikat id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali u tal-Att dwar is-Saħħa Mentali, u ordnat li l-akkużat jinżamm taħt kustodja fl-Isptar Monti Karmelu u jiġi ttrattat bħala pazjent forensiku skont il-liġi. Il-Qorti osservat li l-kawża ma tistax tissokta sakemm jibqa’ jeżisti l-impediment relatat mal-istat mentali tal-akkużat.
Fl-istess ħin, il-Qorti ordnat li l-atti tal-każ jintbagħtu lura lill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja, mhux biex titkompla l-kumpilazzjoni, iżda sabiex l-atti jkunu għad-dispożizzjoni tagħha għal kwalunkwe talba futura, inkluż il-possibbiltà li l-proċeduri jerġgħu jissoktaw jekk u meta jispiċċa l-impediment legali.
//= $special ?>

