Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad talba dwar spejjeż f’kawża dwar parkeġġ quddiem garaxx f’Santa Venera

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Doreen Clarke, iddeċidiet li l-ispejjeż ta’ kawża mressqa minn Alfred u Hazel Gatt kontra l-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera u l-Awtorità għat-Trasport Malta għandhom jitħallsu mill-atturi stess, wara li kkonkludiet li l-kawża nfetħet inutilment.

Il-kawża kienet tikkonċerna parkeġġ pubbliku li kien ġie dilenjat quddiem il-garaxx tar-residenza tal-koppja fi Triq il-Kanonku Bonnici, Santa Venera. Huma sostnew li dan il-parkeġġ kien qed jipprekludilhom l-użu tal-garaxx u kien qed jikkawżalhom inkonvenjent u tnaqqis fil-valur tal-proprjetà tagħhom. Huma kienu talbu lill-Qorti tiddikjara li l-konvenuti ma kellhomx dritt jiddilenjaw dan il-parkeġġ u tordna t-tneħħija tiegħu.

L-Awtorità għat-Trasport Malta, fir-risposta tagħha, argumentat li l-ilment tal-atturi kien diġà ġie indirizzat wara protest ġudizzjarju ppreżentat f’Novembru 2023, u li l-parkeġġ kien tneħħa qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors ġuramentat fis-7 ta’ Diċembru 2023. Għaldaqstant, sostniet li l-kawża nfetħet għalxejn u li l-ispejjeż kellhom jaqgħu fuq l-atturi. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera ma ppreżentax risposta u kien kontumaċi.

Matul il-proċeduri, l-atturi ċedew il-mertu tal-kawża iżda żammew il-kap tal-ispejjeż. Il-Qorti eżaminat il-provi u semgħet x-xhieda, inkluż uffiċjal anzjan ta’ Transport Malta li ppreżenta korrispondenza u ritratti li jikkonfermaw li l-parkeġġ quddiem il-garaxx kien diġà tneħħa u sostitwit b’linji sofor sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2023.

Il-Qorti kkonkludiet li, fid-data li fiha ġie ppreżentat ir-rikors ġuramentat, il-kwistjoni bejn il-partijiet kienet diġà riżolta. Għaldaqstant, iddeċidiet li l-kawża saret inutilment u ordnat li l-ispejjeż kollha tal-kawża jitħallsu mill-atturi.