Lokali

“Int jixraqlek Gvern li jirrispettak”

Il-mozzjoni Gvern li jirrispettak, kienet it-tema ewlenijali ġiet diskussa waqt l-Assemblea Reġjonali organizzata mill-PN għar-4 Reġjun. Dan hekk kif din il-mozzjoni se tkun qed titressaqq quddiem il-Kunsill Ġenerali tal-PN.

Waqt din il-laqgħa, intqal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun iktar viċin in-nies, anke permezz ta’ home visits, hekk kif jeħtieġ li tintlaħaq kategorija ta’ nies li forsi kienu tbegħdu xi ftit mill-partit.

Din il-laqgħa, li saret f’Ħad-Dingli, tmexxiet mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonelo li wieġeb il-mistoqsijiet ta’ kulħadd, filwaqt li fl-għeluq sar  diskors mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione illi ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikomplu jaħdmu ħalli l-Partit Nazzjonalista jikseb riżultati pożittivi.

F’din il-laqgħa pparteċipaw kunsilliera u deputati tas-7, 11 u 12-il distrett.

Flimkien, huma iddiskutew kif l-Istat jeżisti biex jaqdi liċ-ċittadin – u mhux bil-maqlub.

Il-Governanza u kif jitmexxa l-pajjiż jrid ikun mibni fuq ir-rispett lejn il-persuna, it-trasparenza fil-proċessi, il-kontabbiltà fid-deċiżjonijiet u l-ugwaljanza quddiem il-liġi, fid-dritt u fil-fatt.

Il-mozzjoni tgħid ukoll li l-Kunsill Ġenerali jemmen li Gvern serju jieħu d-deċiżjoni b’mod miftuħ, jispjega l-għażliet tiegħu, jinvolvi lin-nies u jżomm kont ta’ dak li jagħmel.