“Issa huwa ż-żmien biex nirriflettu dwar dak li tgħallimna mill-effetti ħorox li ġab miegħu iċ-ċiklun Harry u biex niffukaw fuq azzjonijiet li għandhom jgħinu lil Malta tkun preparata għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ temp estrem.”
Kien dan il-messaġġ li wasslet l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti, fejn sejħet lill-MCESD sabiex torganizza diskussjoni li tinvolvi s-settur tat-turiżmu u l-ospitalità, flimkien mal-membri l-oħra tal-MCESD. Appell li sar ftit jiem biss wara li ċ-ċiklun Harry, ħalla ħerba sħiħa f’diversi żoni kostali u urbani madwar Malta u Għawdex.
Din id-diskussjoni se tagħti prijorità lill-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha, se ssaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat, u tiżgura li jkun hemm miżuri prattiċi biex jiġu protetti komunitajiet, negozji kif ukoll turisti li jżuru lill-pajjiżna fil-futur.
L-MHRA esprimiet solidarjetà ma’ dawk kollha li ġew affettwati mill-effetti ħorox tal-maltempata – b’mod partikolari il-lukandi u r-ristoranti li ġarrbu ħsarat estensivi.
Fl-istqarrija, l-MHRA ikkonfermat ukoll li ċ-Chairperson tal-MCESD Maria Micallef rrikonoxxiet din it-talba u kkonfermat li d-diskussjoni se tkun qed issir.
Il-MHRA irringrazjat lil awtoritajiet kollha kkonċernati, li permezz tal-isforzi u d-dedikazzjoni tagħhom assiguraw li f’mument tant diffiċli fuq livell nazzjonali, – is-sigurta tan-nies kienet l-ogħla prijorita. Liema awtoritajiet jinkludu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, u l-Forzi Armati ta’ Malta, fost ħafna oħrajn.
//= $special ?>

