Sport

Marsa St Michael jitilgħu fit-tieni post

Marsa St Michael telgħu fit-tieni post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Balluta Barracudas 2-1.

Kienet rebħa importanti għat-tim immexxi minn Malcolm Tirchett għalkemm kien biss lejn l-aħħar li aċċertaw ruħhom mir-rebħa finali.

Min-naħa tagħhom. Balluta Barracudas taw qalbhom tul il-logħba kollha iżda spiċċaw ħarġu bla punti minn din il-partita.

Jean Col Stiven Urbe Rico poġġa lil Marsa St Michael’s minn fuq man-nofs siegħa logħob sabiex fit-tieni taqsima, Darko Todorovski irdoppja l-iskor.

Erba’ minuti minn tmiem il-konfront, Matthew Mallia naqqas il-marġni tal-iskor għall-Cudas.

Referee kien Roderick Micallef.

San Ġwann Pro Evolution kisbu l-ewwel punti tal-istaġun wara li għelbu lil San Ġiljan Saints 3-2.

Kienu s-Saints li marru minn fuq permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ Robert Veskimae sabiex Reda El Ashasi u Nino Barrabe bejn l-24 u s-26 minuta dawru l-iskor favur San Ġwann.

Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Pierre Cao Nathan Pham ħa vantaġġ minn żball difensiv sabiex poġġa l-ballun fix-xibka qabel ma’ Victor Sandy Pallot naqqas il-marġni tal-iskor għal San Ġiljan Saints.

Referee kien Lorry Sammut.

Fit-tieni diviżjoni, Attard Edex Kings fetħu vantaġġ ta’ tliet punti fil-klassifika wara li għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s AFC 3-2.

Ma kinitx logħba faċli għal Attard hekk kif l-avversarji tagħhom min-naħa t’isfel ta’ Malta tawhom logħba u kien biss fl-aħħar sekondi li ċedew l-armi.

Kien Kirandas Vallikkatu li poġġa lil Attard minn fuq wara biss minuta bl-istess plejer jirdoppja l-iskor fit-33 minuta.

Fit-tieni taqsima, Birżebbuġa wettqu rimonta u ġabu l-iskor indaqs minn Ronnie Celeste fil-45 minuta u Oussama Boutayeb fis-67 minuta.

Minkejja kollox, l-aħħar kelma kienet ta’ Attard hekk kif l-aqwa skorer tal-kampjonat Lucas Carvalhom skorja l-gowl tar-rebħa minuta qabel tmiem il-partita.

Referee kien Peter Abela.

Fl-iktar partita mistennija tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika, Swieqi United AFC u Gudja Wanderers spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Dan id-draw ftit serva għaż-żewġ timijiet hekk kif issa jinsabu iktar distakkati minn mal-leaders Attard.

Kienu Swieqi United AFC li marru minn fuq fit-48 minuta permezz ta’ Jean Carlos Ibarra Grueso sabiex fil-ħin mogħti żejjed mir-referee, Samuel Ramirez skorja l-gowl tad-draw għal Gudja.

Referee kien Alex Grech.

F’partita min-naħa t’isfel tal-klassifika, Naxxar Victorians u Ta’ Ġiorni Wanderers spiċċaw fi draw ta’ 0-0.

Dan ir-riżultat ftit biddel is-sitwazzjoni taż-żewġ timijiet b’Ta’ Ġiorni li baqgħu punt vantaġġ fuq l-istess Naxxarin.

Referee kien Gjorgji Bitri.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 13; Senglea Gunners; Marsa St Michael 10; Valletta St Paul’s 8; San Ġiljan Saints 6; Valletta Stars 4; San Ġwann Pro Evolution Academy 3; Balluta Barracudas 2.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIENI DIVIŻJONI

Attard Edex Kings 19; Gudja Wanderers 16; Swieqi United AFC 14; Ħamrun Sporting 9;.Birżebbuġa St Peter’s 8; St Paul’s Bay NMFC 6; Ta’ Ġiorni Wanderers 5; Naxxar Victorians, Mqabba Albions 4.