“Nistgħu ngħidu b’mod ċar li l-pożizzjoni tagħna ma nbidlitx. Il-Parlament Ewropew jappoġġja bis-sħiħ lid-Danimarka u Greenland, is-sovranità tagħhom u l-integrità territorjali tagħhom. Aħna nappoġġjaw bis-sħiħ l-indipendenza tagħhom.Mhumiex għall-bejgħ.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni li wasslet il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, f’kummenti li tat lil ġurnalisti qabel ma indirizzat lill-mexxejja Ewropej f’Summit tal-Kunsill Ewropew li tlaqqa fi Brussell, wara s-sitwazzjoni li żviluppat fl-aħħar jiem b’rabta ma’ Greenland. Metsola stqarret, li f’dan l-istadju jistgħu jitkomplew id-diskussjonijiet interni b’rabta mal-ftehim kummerċjali tal-UE u l-Istati Uniti.
Roberta Metsola, sostniet, “jekk hemm xi ħaġa li tgħallimna din il-ġimgħa hija li rridu nkunu awtonomi u rridu nkunu b’saħħitna.”, Hawnhekk saħqet dwar il-ħtieġa ta’ relazzjoni mal-Istati Uniti, bbażata fuq id-djalogu u r-rispett. Il-President Roberta Metsola saħqet dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti, filwaqt li nnotat ir-rieda miż-żewġ naħat li
“jibnu pontijiet” u jsibu qbil fuq kwistjonijiet kummerċjali.


