Angelo Micallef
L-istorja ta’ dik li llum insejħulha l-Unjoni Ewropea hija mimlija b’mumenti ta’ sfida kbira. Hija mimlija b’mumenti fejn bħal donnu kien hemm dubju serji dwar kemm dan il-proġett Ewropew kellu futur.
Biżżejjed wieħed isemmi meta pereżempju fl-1965 u 1966 kien hemm il-‘kriżi tas-siġġu vojt’ u ċioè meta Franza taħt it-tmexxija ta’ Charles de Gaulle rrifjutat li tattendi laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Komunità Ekonomika Ewropea jew meta ftit tas-snin ilu għall-ewwel darba kellna pajjiż li f’referendum ivvota li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, ’l hekk imsejħa Brexit, jew meta t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa fl-2005 ġie miċħud b’referenda fi Franza u l-Olanda.
Minkejja dawn il-mumenti ta’ sfidi, l-Unjoni Ewropea kompliet tikber u tevolvi u llum hemm numru ta’ pajjiżi li qegħdin iħabbtu l-bieb biex jissieħbu.
Indipendenti minn Washington
Imma forsi qatt daqs illum ma kellna sfida hekk iebsa fl-Unjoni Ewropea. Sfida mhux biss għaliex pajjiż sovran li esprima x-xewqa li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea spiċċa aggredit militarment mill-forzi Russi u spiċċa fi gwerra mdemmija, liema gwerra għandha kull potenzjal li tinxtered lejn pajjiżi oħra inkluż pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bħal-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja u l-Polonja imma għax fl-isfond ta’ dil-gwerra l-Unjoni Ewropea issa trid ukoll tiffaċċja ostilità kbira mimn dawk li sa ftit ilu kien l-akbar alleat tal-Unjoni Ewropea.
Għal diċenji sħaħ, ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea kienet waħda ta’ ħbiberija kbira. Ħbiberija tant kbira li l-istess pajjiżi Ewropej għamlu l-iżball enormi li ħallew il-kontinent Ewropew ikun dipendenti fuq l-Istati Uniti militarment u ekonomikament.
Ħallejna lilna nfusna nkunu f’sitwazzjoni fejn mingħajr il-ħbiberija tal-Istati Uniti nħossuna mhedda minn rivali bħar-Russja u ekonomikament esposti għal kollox.
Il-Malti jgħid li għal magħmul m’hemmx kunsill, u issa jkun inutli li nibku l-iżbalji tal-passat. Jeħtieġ li nħarsu ’l quddiem. Jeħtieġ li nifhmu li f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida kbira jeħtieġ li bejn il-pajjiżi Ewropej ikun hemm l-għaqda. Jeħtieġ li nifhmu li l-isfida preżenti mhijiex il-problema tal-Ukrajna tal-pajjiżi tal-Lvant jew il-problema tad-Danimarka. Jeħtieġ li naħdmu id f’id biex inkunu sodi.
Jeħtieġ li filwaqt li ma nkunux aħna li neskalaw it-tensjonijiet inkunu sodi u nuru li l-ebda dittatur f’Washington mhu se jheddidna, jilwielna jdejna u jumiljana. Jeħtieġ li nassiguraw li l-interessi Ewropej kemm dawk ekonomiċi u kemm dawk tas-sovranità tat-territorju Ewropew jiġu mħarsa f’kull mument.
Dan ma jfissirx li l-Unjoni Ewropea għandha tmur għal politika tal-ġlied u l-piki anzi, jekk possibbli għandna nipprovaw immorru lura għaż-żmien meta f’Washington kellna ‘partner’ li stajna naħdmu miegħu. Però huwa ċar li rridu nkunu totalment indipendenti minn Washington f’kull sens tal-kelma, indipendenti.
Ħtieġa li nkunu maqgħudin
Hawn ukoll hemm sfidi, għaliex għandek pajjiżi bħall-Ungerija ta’ Orban, li stqarr b’mod apert li ma jemminx fl-Unjoni Ewropea, li se tagħmel minn kollox biex tfixkel. Dan iżid il-piż fuq il-ħtieġa li nkunu maqgħudin u li nħarsu lejn l-interess kollettiv.
F’din l-għaqda, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li turi li hija soda fir-rieda, soda fil-prinċipji u mhix lesta tkun it-tapit ta’ ħadd. Jeħtieġ li turi li hija tassew it-tarka tas-sovranità ta’ kull stat membru. Jeħtieġ li turi li hija flessibbli biżżejjed biex tadatta l-politika tagħha għall-bidla fiċ-ċirkostanzi li qegħdin naraw.
Jeħtieġ li turi li filwaqt li mhix se tkun hi li teskala u tgħolli t-temparatura, mhix se tibża’ tieħu dawk il-passi KOLLHA neċessarji biex twieġeb bl-aktar mod sod u determinat.
Din mhux kwistjoni ta’ kapriċċ jew pika, din hija kwistjoni ta’ neċessità jekk irridu li l-proġett Ewropew ikompli jkollu futur. Ejja niftakru wara kollox li l-politika tal-Gvern Amerikan preżenti hija waħda intiża biex tkisser lill-Unjoni Ewropea u biex twassal biex bħala kontinent nerġgħu nkunu dgħajfa u skjavi politiċi ta’ Uncle Sam.
Ħallejna lilna nfusna nkunu f’sitwazzjoni fejn mingħajr
il-ħbiberija tal-Istati Uniti nħossuna mhedda minn rivali bħar-Russja u ekonomikament esposti għal kollox
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 22 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

