Mark A. Sammut Sassi
Ġew iċċelebrati sitt snin ta’ tmexxija ta’ Robert Abela. M’għandniex xi ngħidu, barka fuq dal-pajjiż. Malta l-aqwa fid-dinja! Ejja naraw ftit kif.
Se naqsam dal-artiklu f’żewġ taqsimiet. L-ewwel se nitkellem dwar il-politika barranija, imbagħad dwar dik interna.
Il-Politika Barranija
Mit-tperpir għat-tparpir
Malta għandha wieħed fost l-akbar reġistri tal-bastimenti tad-dinja: is-sitt wieħed fil-fatt f’dak li għandu x’jaqsam mal-għadd ta’ bastimenti rreġistrati. Fl-Ewropa, ir-reġistru navali Malti hu saħansitra l-akbar wieħed.
Ftit tal-jiem ilu, żewġ bastimenti jtarju l-bandiera Maltija sabu rwieħhom f’diffikultajiet li normalment jirrikjedu lin-navy tal-pajjiż tal-bandiera taqbeż għalihom. Imma Malta m’għandhiex navy militari biex tipproteġi lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha.
U s’issa għadni ma smajt xejn min-naħa tal-Gvern li tindika li hu konxju minnha dil-problema. Kemm se jdumu l-bastimenti jperpru l-bandiera Maltija qabel ma jparpru ’l hemm.
(Nuqqas ta’) Viżjoni Mediterranja
Minkejja aktar minn 60 sena ta’ indipendenza, żammejna konċezzjoni imperjalista tal-Baħar Mediterran. Għandna zona enormi ta’ salvataġġ fil-baħar, li la għandna r-riżorsi u lanqas interess li nżommuha.
Meta Malta kienet taħt l-Ingliżi, kien hemm interess – dak imperjali – li jkun hemm biċċa enormi ta’ baħar taħt il-ġurisdizzjoni ‘ta’ Malta’. Kien hemm interess għax, fil-verità, il-ġurisdizzjoni kienet tal-Imperu Ingliż, mhux ta’ Malta.
Aħna m’għandniex x’nambuha zona daqstant kbira – li minħabba fiha l-ħin kollu niksru d-dritt internazzjonali. Imnessna ngħadduha lit-Taljani – l-Italja (barra t-Turkija) hi l-unika vera potenza Mediterranja. Hi għandha tieħu ħsiebhom is-salvataġġi fil-baħar mhux aħna.
Sadanittant, imma, ma jien nisma’ xejn min-naħa tal-Gvern dwar il-problema serja li hemm possibbiltà li l-Mediterran jisfa’ baħar magħluq. Aħna (bħat-Taljani u t-Torok) niddependu mill-Mediterran għall-esportazzjoni tal-manifattura tagħna. U, b’differenza mit-tnejn l-oħrajn, għall-importazzjoni ta’ kollox.
Jekk hu minnu li minħabba fil-bdil fil-klima, se jinħall is-silġ tal-Artiku u jinfetaħ il-Baħar tat-Tramuntana (għalhekk il-kjass dwar Greenland), dan ikun ifisser li l-kummerċ internazzjonali jibda jgħaddi min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, u lilna jibbajpassjana kompletament. Dan mhux fl-interess tagħna (u lanqas tat-Taljani u tat-Torok).
Qed tisimgħuh lill-Gvern jgħid xi ħaġa dwar dan?
Jew iqis dan kollu bħala xi ħaġa tal-kbar, u t-tfal posthom wara?
Il-Politika Interna
Imma dan lanqas fi ħwejjeġ ta’ portata iżgħar mhu jagħmel xejn.
Id-Deżertifikazzjoni
Nisimgħu ħafna diskors dwar il-bdil fil-klima. Azzjoni ma naraw xejn.
Hu magħruf li Malta tinsab f’dik il-faxxa ġeografika fejn għaddej proċess bil-qajl il-qajl ta’ deżertifikazzjoni. F’dil-faxxa, l-art għammiela qiegħda bil-mod il-mod tiddeġenera u ssir deżert.
Waħda mill-karatteristiċi l-aktar drastiċi tad-deżert hi n-nuqqas ta’ ilma. Il-Maltin konxji minnha dil-problema, tant li ninvestu flejjes kbar fl-impjanti ta’ desalinizzazzjoni – ir-reverse osmosis – li jirrikjedu ammonti kbar ta’ elettriku biex jaħdmu.
Imma soluzzjoni antika qegħda tinqered quddiem għajnejna, u l-Gvern liebes għamad oħxon daqs mazz ewro. Kemm-il ġiebja, ġibjun, u bir tkissru biex inbnew blokok ta’ appartamenti?
F’dawk il-ġwiebi jinħażnu glalen kontra glalen ta’ ilma tax-xita… il-lum dak l-ilma kollu qed jintilef… l-ewwel jgħaddar it-toroq u mbagħad jibqa’ sejjer dritt fil-baħar! X’intelliġenza ta’ politika! Inġib għajnejja wara widnejja b’dal-għaqal kollu! Miljuni ta’ litri mormijin fil-baħar u miljuni ta’ ewro mormijin fir-reverse osmosis!
U, soprakornabastonate!, l-ilma tal-bjut jaqa’ bħal kaskata f’katusi kbar li, għal ġieħna! jisparaw fit-toroq. Jiġifieri narmu l-ilma u nimlew it-toroq bi xmajjar ta’ ilmijiet li flok ma jaqgħu fi spralli li jwasslu għal ġibjuni taħt l-art, jispiċċaw jarmu dritt dritt fil-baħar… minn fejn nerġgħu ntellgħuhom bir-reverse osmosis!
U mbagħad Robert Abela jiġi joffrilna xdieq kwadri bi tbissima falza bejniethom biex jgħidilna kemm kienu ta’ ġid das-sitt snin ta’ gvern tiegħu. Eħe, u nannti kienet ir-reġina tal-Iżlanda!
Sleeping policemen
Ftit tal-jiem ilu smajna bl-aħbar ta’ ċiklista li weġġgħet kawża ta’ żewġ sleeping policemen wieħed wara l-ieħor fi trejqa fil-kampanja. Iċ-ċiklista taret mir-rota b’konsegwenzi relattivament serji.
Tgħiduli, Imma l-Gvern x’jaħti jekk xi ‘stupidu’ qiegħed żewġ sleeping policemen wieħed wara l-ieħor? Daż-żgur li jaħti! Għax xogħol il-Ministri hu li joħolqu kemm regolamenti kemm klima amministrattiv li jwasslu biex stupidati bħal dawn ma jseħħux.
Hu minn ewl id-dinja li l-Ministru ma jistax personalment joqgħod idur kull rokna u jnaqqi l-problemi. Imma hu wkoll minn ewl id-dinja li l-Ministru responsabbli li jara li jkun hemm uffiċjali ta’ sorveljanza u superviżjoni li huma jduru kull rokna u jnaqqu l-problemi.
Mela ċ-ċittadini jiksru għonqhom minħabba fl-istupidità u fin-nuqqas ta’ organizzazzjoni! Mhux sleeping policemen biss għandna – imma wkoll sleeping ministers!
L-eko-riduzzjoni
L-ARMS hi eżempju oħra ta’ kif il-Gvern qed jonqosna.
Ħarġet l-aħbar illi x’aktarx numru enormi ta’ nies ingidmu fil-kontijiet maħruġin mill-ARMS għax ma kienx applikat it-tnaqqis li huma intitolati għalih. Dwar l-ARMS nistgħu niktbu patafjun karti: is-servizz hu wieħed skadenti. Jien personali ili x-xhur nitlob li ssir korrezzjoni ta’ kont li ħareġ dwar post li kien magħluq għal żmien twil. U ħallewni bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa.
Verament sitt snin ta’ barka u risq. Mela!
Identità
Korp ieħor tal-Gvern li jgħajjik. Il-Gvern irid iġib lill-barranin jistudjaw u jaħdmu hawn Malta u biex Identità ġġeddilhom id-dokumenti (ta’ residenza, eċċ), taqlagħlhom fwiedhom.
Naf b’każijiet fejn studenti (eż., mill-Ġappun) ma marrux jaraw lill-ġenituri tagħhom matul il-Festi minħabba fid-dewmien fit-tiġdid tad-dokument… Naf b’każijiet fejn id-dokument iġġedded b’mod li ma jaqbilx ma’ dokumenti uffiċjali Maltin.
Konfużjoni manja, frott ħatriet partiġġjani. Il-lealtà lejn il-Partit tirbaħ fuq il-kompetenza!
U l-akbar “suċċess” ta’ snin ta’ Robert Abela…
…it-tifrik tal-ambjent urban. Il-kustjoni mhix sewwasew li jitwaqqa’ l-bini biex jittella’ ieħor ġdid aktar konsoni mal-ħtiġiet moderni. Il-kustjoni hi li jitwaqqa’ bini sabiħ biex floku jittella’ bini ikreh. Kaxxi kontra kaxxi.
Bi ksur ta’ wieħed mill-prinċipji tal-Kapitlu 2 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, li timponi fuq l-Istat l-obbligu li jippreserva l-patrimonju storiku u estetiku tal-pajjiż. Anki l-Kostituzzjoni stmata ta’ karta strazza minn dal-Gvern.
Sitt snin ta’ Robert Abela, sinjuri!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 22 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

