Lokali Qorti

Raġel bla saqaf fuq rasu kkundannat sentejn ħabs fuq sensiela ta’ serq f’Tas-Sliema u l-Gżira

Raġel bla saqaf fuq rasu ġie kkundannat sentejn priġunerija wara li ammetta li wettaq ħames serqiet f’Tas-Sliema u l-Gżira bejn id-19 ta’ Diċembru 2025 u l-14 ta’ Jannar 2026. Ali Ahmed Mohammed tressaq il-Qorti mixli b’ħames akkużi ta’ serq aggravat.

Huwa kien akkużat ukoll li uża u żamm karta bankarja li ma kinitx tiegħu, li kkaġuna ħsara volontarja f’wieħed mis-serqiet, kif ukoll li żamm dokumenti ta’ identità li kienu jappartjenu lil persuna terza. Minbarra dan, Mohammed kien mixli li mexxa ħajja ta’ vagabondaġġ u għar-reċidiva. Malli tressaq quddiem il-Qorti, huwa ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ikkundannatu sentejn priġunerija. Barra minn hekk, imponiet ukoll ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ sentejn.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Joseph Camileri Azarov, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispettur tal-Pulizija Charlon Borg. Għall-akkużat deher l-avukat tal-għajnuna legali Silvan Pulis.