Lokali

Rebħiet minimi għal Aston Villa u Lyon biex jikkonfermaw posthom mal-ewwel tmienja

(Ritratt: EPA)

Aston Villa u Lyon jibqgħu jissieltu għall-ewwel post tal-fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Europa League meta t-tnejn li huma kisbu rebħiet ta’ 1-0, biex b’hekk wara 7 partiti huma rebħu sitta u tilfu waħda. Iż-żewġ timijiet huma segwiti minn Freiburg li jinsabu fit-tielet post b’total ta’ 17-il punt, punt wieħed inqas mill-Ingliżi u l-Franċiżi, u għadhom ma tilfu l-ebda partita minn din il-fażi hekk kif rebħu 5 u temmew f’żewġ draws.

Il-Villains għelbu lil Fenerbahce fl-Ulter Stadyumu bl-iskor ta’ 1-0, partita diffiċli fit-Turkija, pero Jadon Sancho jiskorja gowl wara 25 minuta li jwassal għar-rebħa tat-tim ta’ Unai Emery.

Skor identitku għal Lyon li ukoll kisbu rebħa barra minn darhom, kontra Young Boys mill-Iżvizzera. Kien propju l-Ingliż, eks plejer ta’ Arsenal u West Bromwich Albion, Ainsley Maitland-Niles li skorja l-gowl tar-rebħa ftit mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Rebħa ta’ 1-0 ukoll għal Freiburg li għelbu lil Maccabi Tel Aviv bil-gowl ta’ Igor Matanovic fit-82 minuta.

Bologna irnexxielhom idawru telfa fi draw b’żewġ gowls fit-tieni taqsima fi Stadio Renata Dell’Ara kontra Celtic, bl-iskor finali jkun 2-2.

Dan iħalli llil Bologna f’pożizzjoni li tikkonferma posthom mal-aħħar 24 tal-kompetizzjoni u jikkwalifikaw għall-play-offs, bit-Taljani għadhom fiċ-ċans li jagħmluha mal-ewwel tmienja jekk jiksbu riżultat pożittiv ma’ Macabi Tel Aviv il-ġimgħa d-dieħla.

Celtic jieħdu l-vantaġġ wara 9 minuti logħob minn Hatate, pero l-istess skorer ikun wieħed mir-raġunijiet li Celtic ma jirnexxielhomx jirbħu din il-partita hekk kif wara 34 minuta ntwera t-tieni karta saffra tiegħu fil-partita u tkeċċa. Celtic dehru li mhux se jiġu affettwati mill-iżvantaġġ numeriku hekk kif Auston Trusty irdoppja l-iskor 6 minuti wara, madankollu żewġ gowls ta’ Dallinga u Rowe fit-tieni taqsima salvaw punt għal Bologna.

Telfa diżappuntanti għall-aħħar għal Real Betis kontra PAOK mill-Greċja bl-iskor finali ta’ 2-0.

Il-Griegi jieħdu l-vantaġġ fis-57 minuta minn Andrija Zivkovic, biex fis-86 minuta Giorgos Giakoumakis jikkonverti l-penalty tiegħu biex jagħmel l-iskor 2-0.