Jerome Caruana Cilia, PN
Is-settur bankarju huwa pilastru ċentrali tal-ekonomija Maltija hekk kif jipprovdi l-għodda biex l-ideat tal-imprendituri u sidien ta’ negozji jiffinanzjaw it-twaqqif u t-tkabbir tan-negozju, jespandu barra minn xtutna, ikunu innovativi u joħolqu aktar postijiet tax-xogħol.
Hekk sostna x-Shadow Minister tal-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia fil-Parlament b’rabta mal-proposta li jitwaqqaf Credit Review Office. Dan l-Uffiċċju se jkollu r-rwol li jeżamina każijiet fejn banek kummerċjali jiċħdu, jirtiraw, inaqqsu jew idumu biex jagħtu tweġiba lin-negozju meta dawn japplikaw għal self bankarju.
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li filwaqt li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju ma tobbligax lill-bank ikkonċernat li jagħti s-self mitlub min-negozju, din għandha ttejjeb it-trasparenza u l-komunikazzjoni bejn iż-żewġ naħat, u għaldaqstant jgħin biex isaħħaħ l-ekosistema finanzjarja Maltija b’mod ġenerali.
Jerome Caruana Cilia faħħar il-kwalità tas-settur bankarju Malti u qal li anke grazzi anke s-sisien regolatorji b’saħħithom li tpoġġew fil-passat, dan baqa’ wieħed b’saħħtu u reżiljenti anke quddiem taqlib ekonomiku internazzjonali. B’mod regolari, reviews superviżjorji nazzjonali u Ewropej, inkluż analiżi ta’ credit rating agencies u istituzzjonijiet bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, juru li l-banek Maltin għandhom pożizzjoni kapitali b’saħħitha u jkollhom perċentaġġ baxx ta’ non-performing loans.
“Dan kollu huwa riflessjoni ta’ prattiċi prudenti ta’ self, strutturi ta’ finanzjament relattivament konservattivi, u l-mudell bankarju Malti li fil-parti l-kbira tiegħu huwa bbażat fuq id-depożiti”.
Id-deputat Nazzjonalista spjega li dan is-settur esperjenza tkabbir qawwi fl-aħħar snin, u b’hekk wieħed jistenna li l-banek ikunu filfatt ta’ appoġġ qawwi għall-ekonomija. Irrikonoxxa wkoll li l-banek jiltaqgħu ma’ sfidi kbar li jillimitaw il-ħila tagħhom li jsellfu, fosthom kumplessijiet regolatorji, regoli ta’ compliance dejjem jikbru, u riskji differenti.
“Dan kollu allura wassal biex anke l-banek lokali jsaħħu l-kontrolli interni tagħhom, u jkunu forsi xi ftit aktar konservattivi f’ċertu oqsma, speċjalment, inkluż f’setturi emerġenti, li pajjiżna qed jimbotta, iżda li fl-istess ħin il-banek joqgħodu pass lura minnhom”, wissa d-deputat Nazzjonalista.
Huwa fakkar ukoll kif bosta studji u surveys juru li fost l-SMEs, l-aċċess għall-finanzi tibqa’ problema persistenti. Il-kumpaniji spiss jiltaqgħu ma’ sfidi kbar biex jiffinanzjaw l-idea, il-proġett tagħhom, jew jirċievu ferm anqas minn dak li jkunu talbu, jew inkella b’dewmien eċċessiv, li xi kultant jista’ jwassal biex proġett imbagħad jitlef iċ-ċans li hemm quddiemu. F’dan is-sens, ir-rwol tal-Uffiċċju l-ġdid, huwa li jagħti aktar ċertezza lin-negozji fuq x’jistgħu jistennew mir-relazzjoni bankarja tagħhom.
“Meta negozji jew imprendituri, iħossu li d-deċiżjonijiet mhumiex trasparenti jew forsi mhemm xejn x’jistgħu jagħmlu, xi ftit jew wisq ikollna erożjoni tal-fiduċja fis-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna, u din mhix xi ħaġa tajba għal pajjiżna”, spjega d-deputat Nazzjonalista.
“Din hi l-motivazzjoni prinċipali l-għaliex se nivvutaw favur: pajjiżna għandu bżonn banek b’saħħithom, sistema finanzjarja b’saħħitha iżda wkoll negozji li huma empowered biex iwettqu l-ideat tagħhom: dawn l-oġġettivi mhumiex antagonisti iżda kumplimentari”, stqarr il-membru parlamentari Jerome Caruana Cilia.
“Pajjiżna ma jeffordjax li jistagħġna ekononikament u allura kull għajnuna li tgħin biex, l-ewwel insaħħu l-qafas finanzjarju tagħna u t-tieni nkattru l-investiment, huwa żvilupp pożittiv, u jsib l-appoġġ sħiħ tal-Partit Nazzjonalista”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.


