Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, issospendiet il-piena ta’ sentejn priġunerija fuq Gary Bartolo wara li sabitu ħati għall-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu, inkluż serq aggravat, ħsara fuq proprjetà, u użu ta’ vetturi mingħajr liċenzja valida.
L-akkużat, ta’ 39 sena minn Xagħra, Għawdex, l-akkużi kollha fosthom li daħal fl-uffiċċji ta’ JA Borg Service Station u seraq €1,000 f’karti tal-flus, kif ukoll pouch u vażett b’diversi muniti. L-ammont misruq u l-ħsara fuq il-proprjetà ġew rifużi kompletament lill-vittma qabel is-sentenza.
Minħabba l-ammissjoni bikrija, il-kollaborazzjoni mal-vittmi u l-fatt li l-akkużat għandu problema ta’ dipendenza mid-droga, il-Qorti ħadet deċiżjoni li tipprovdi lill-akkużat opportunità biex jirriforma ruħu. Għalhekk, il-piena ta’ sentejn priġunerija ġiet sospiża għal perjodu ta’ erba’ snin.
Barra minn hekk, il-Qorti ordnat lill-akkużat Ordni ta’ Trattament għal tliet snin biex jingħata appoġġ fil-ġlieda kontra l-abbuż mid-droga u biex jikkollabora mal-professjonisti u membri tal-familja tiegħu. Bartolo ttieħed ukoll taħt obbligazzjoni personali għal sena biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-vittma, u ġie skwalifikat milli jkollu liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar u tmint ijiem.
Il-Qorti rrimarkat li l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-parti leża ġew sodisfatti u li l-akkużat ngħata l-aħħar opportunità biex jirranġa ħajtu u jieħu ħsieb il-problemi tiegħu relatati mal-vizzju. Il-Qorti skwalifikat lill-ħati milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għall-perijodu ta’ 12-il xahar u tmint ijiem.
Rigward it-talba tal-Prosekuzzjoni sabiex il-ħati jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż li jkollhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ esperti jew periti f’dawn il-proċeduri, il-Qorti ċaħdet tali talba peress li jirriżulta li ma ġewx
imqabbda esperti jew periti f’dawn il-proċeduri.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Josef Gauci.
//= $special ?>

