Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ssospendiet il-piena ta’ priġunerija ta’ 20 xahar fuq Ivan Fenech ta’ 52 sena residenti tal-Pietà – wara li sabitu ħati ta’ diversi reati relatati mad-droga, inkluż il-pussess u t-traffikar ta’ eroina u kokaina.
Il-Qorti sabet li Fenech, magħruf bl-laqam “Lepre,” kien qed jipprovdi sustanzi kkontrollati mingħajr il-liċenzji meħtieġa u f’ammonti li ma kinux konsistenti mal-użu personali. Il-vereditt ġie wara xhieda ewlenin, inkluż Alison McKeown, li kkonfermat li kienet tixtri eroina minn Fenech b’mod regolari matul perjodu ta’ tliet snin qabel l-arrest tiegħu fit-13 ta’ Settembru 2013.
Il-provi ppreżentati inkludew ukoll drogi kontrollati, sorveljanza tal-pulizija u analiżi mill-esperti tas-sustanzi misjuba, li stabbilixxew il-preżenza ta’ eroina u kokaina f’forom u ammonti differenti. Fenech ġie kkundannat għal multa ta’ €2,500 li għandha titħallas fi żmien sentejn.
Il-Qorti applikat l-Artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali biex issospendi l-piena ta’ 20, xahar priġunerija għal perjodu ta’ erba’ snin, filwaqt li żżomm is-sentenza bħala deterrent u tqis il-miżuri ta’ rijabilitazzjoni li l-imputat wettaq.
Fil-jum tal-arrest, il-Pulizija waqqfet lill-imputat ħdejn l-Isptar Mater Dei u osservatu jarmi borża tal-plastik minn vettura li kien qed isuq. Minn hemm instabu diversi qratas ta’ droga, filwaqt li fuq il-persuna tiegħu nstabu wkoll €1,400 fi flus kontanti.
L-analiżi xjentifika kkonfermat li d-droga kienet tinkludi madwar 31.37 gramma eroina u kwantitajiet sinifikanti ta’ kokaina, kemm f’forma ta’ cocaine hydrochloride kif ukoll crack cocaine, ippakkjati f’numru ta’ sachets li jindikaw li ma kinux għall-użu personali.
Ġie nnutat ukoll li l-imputat kellu storja kriminali estensiva u kien reċidiv. Wara li eżaminat il-ġurisprudenza relevanti dwar id-distinzjoni bejn pussess sempliċi u pussess aggravat, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-ammonti, l-ippakkjar u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ kienu juru b’mod ċar li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tal-imputat.
Għaldaqstant, Ivan Fenech instab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, wara proċess li dam snin u li fih il-Qorti aġixxiet ukoll fil-funzjoni tagħha bħala Qorti dwar id-Droga, wara li l-imputat kien temm b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-eks uffiċjal għoli tal-Pulizija Dennis Theuma.
//= $special ?>

