Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa wara li l-ġurati iddikjaraw li l-qtil fl-2008 f’Ħal Qormi seħħ permezz ta’ difiża eċċessiva kkawżata mill-biża’

Missier ta’ erbat itfal ingħata sentenza sospiża u multa wara li ġie kkundannat li qatel lill-maħbub ta’ martu permezz ta’ difiża eċċessiva kkawżata mill-biża’. Il-ġurati waslu għal verdett ta’ 8 voti kontra 1 fi tmiem ġuri li beda l-ġimgħa li għaddiet. Dan wara deliberazzjoni ta’ disa’ sigħat u nofs, bl-Imħallef tagħti s-sentenza ftit qabel nofs il-lejl.

Skont il-Kodiċi Kriminali, ma jitqiesx reat meta qtil jew ġrieħi jseħħu waqt li persuna tkun qed tiddefendi ruħha jew lil darha, b’mod partikolari f’każ ta’ dħul illegali bil-lejl. F’dan il-każ, madankollu, il-ġurati sabu li d-difiża kienet eċċessiva, iżda xorta waħda ġiet imqanqla mill-biża’.

Stephen Caruana, ta’ 45 sena minn Ħal Qormi, kien akkużat bil-qtil volontarju ta’ Neville Baldacchino, ta’ 28 sena, f’Diċembru tal-2008, kif ukoll bl-użu illegali ta’ arma tan-nar. Il-ġurati sabuh ħati ta’ qtil involontarju minħabba difiża eċċessiva bbażata fuq il-biża’. Għall-ewwel kap, dak tal-qtil, ma ngħatat l-ebda piena.

Madankollu, fuq it-tieni kap, l-użu illegali ta’ arma tan-nar, ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin. Dan il-kap kien jgħid li Caruana mar u sab l-arma tan-nar tiegħu, tal-marka Benelli, ikkaragaha, tela’ fuq u hemm sab lill-vittma Neville Baldacchino. Huwa ġibed il grillu u qalet lil Neville Baldacchino.

Fuq it-tielet kap ta’ akkuża huwa ġie mmultat €3,000. Dan l-aħħar Kap jgħid li l-akkużat spara arma tan-nar f’post abitat, cioè fir-residenza fejn il-familja tal-akkużat Stephen Caruana kienet tabita. Biex seħħ dan l-omiċidju, Caruana spara l-arma tan-nar, total ta’ erba’ darbiet, u tlieta minn dawn it-tiri laqtu lill vittma.

Tir minnhom laqat lil Baldacchino f’rasu, ieħor laqtu f’idejj u ieħor laqtu f’siequ. L-akkużat b’dawn it-tiri fit-terrazzin tad-dar tiegħu stess, ried ikun ċert li Neville Baldacchino jmut. Skont l-Att ta’ Akkuża, Caruana u martu kellhom żwieġ normali, iżda aktar ’il quddiem il-mara bdiet relazzjoni sigrieta ma’ Baldacchino. Dan tal-aħħar kien imur id-dar ta’ Caruana f’Ħal Qormi diversi drabi.

Fil-lejl tat-18 ta’ Diċembru 2008, huwa daħal fid-dar meta Caruana u t-tfal kienu reqdin. Huwa kellu x’jaqsam sesswalment mal-mara f’kamra tas-sodda fl-ewwel sular, filwaqt li Caruana u t-tfal kienu rieqda fil-livell t’isfel.

Il-mara niżlet biex tiżgura ruħha li Caruana kien għadu rieqed. Ftit wara nstemgħet storbju fuq. Caruana qabad shotgun, għabbieh u tela’ fuq. Fuq it-terrazzin sab lil Baldacchino u allegatament spara lejh, u laqtu f’rasu, f’idu u f’saqajh, u dan wassal għall-mewt tiegħu.

Matul il-ġuri, uħud mix-xhieda ngħataw wara bibien magħluqa, filwaqt li oħrajn instemgħu fil-pubbliku. Fost dawk li xehdu kien hemm it-tliet ħutu tal-mara ta’ Caruana: Johann, Marco u Michael Gaffarena. Marco Gaffarena qal li mar fuq il-post wara l-isparatura u sab lil Baldacchino mejjet fuq it-terrazzin ta’ wara. Huwa qal li kien jaf lil ħu l-vittma u kien jaf lil Baldacchino biss bil-wiċċ, iżda ma rrikonoxxiehx hekk kif sabu mejjet.

Joe Gaffarena qal li Caruana qallu: “Qtilt lil xi ħadd fuq it-terrazzin.” Johann Gaffarena min-naħa tiegħu qal li sab lil Caruana f’qagħda ta’ xokk, imħawwad u ma setax iwieġeb meta staqsieh x’ġara.

Fl-indirizz finali tagħha lill-ġurati, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fakkret fil-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u qalet li l-provi fil-każ għandhom jitqiesu bħal puzzle, bi twissija biex il-ġurati ma jippruvawx jimlew lakuni b’suppożizzjonijiet. Hija saħqet ukoll li l-akkużi jridu jiġu ppruvati lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Fis-sottomissjonijiet finali, il-prosekuzzjoni argumentat li l-qtil kien ippjanat minn qabel, filwaqt li d-difiża sostniet li Caruana nħasad u ġie maħkum mill-biża’ meta sab raġel ieħor fid-dar tiegħu bil-lejl.

Il-verdett ingħata għall-ħabta tal-11pm u iktar tard l-Imħallef Scerri Herrera tgħat is-sentenza. Il-każ kien presedut mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, bil-prosekuzzjoni mmexxija mill-avukati tal-AG Francesco Refalo u Shelby Aquilina. L-akkużat kien assistit mill-avukati Giannella De Marco u Charles Mercieca, filwaqt li l-qraba tal-vittma kienu rappreżentati mill-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.