Sid ta’ bar f’San Ġiljan ġie mmultat €3,000 wara li nstab ħati li naqas milli jinforma lil Jobsplus li kien qed iħaddem impjegat. Alan Xuereb kien mixli li wettaq dan ir-reat fit-28 ta’ Ġunju 2023 u qabel. Il-każ ħareġ wara spezzjoni li wettqu uffiċjali tal-Jobsplus fil-bar, fejn sabu raġel Kolumbjan jaħdem wara l-counter.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta li dan l-impjegat ma kienx irreġistrat ma’ Jobsplus. Żewġ impjegati tal-bar xehdu li l-Kolumbjan kien fil-post fuq prova. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li fis-sentenza tagħha qalet li ma setgħetx ma tikkummentax dwar kemm spiċċaw il-morali u s-sens tas-sewwa f’dak li sejħet imġiba ta’ xhieda li kienu lesti jieħdu ġurament falz biex jiskolpaw lil ħaddieħor.
Hija għamlet ċar li, peress li fl-aħħar mill-aħħar għażlu li jgħidu l-verità, ma kinitx se taġixxi fuq dawk li ddeskriviet bħala “teatrini pwerili”. Il-Maġistrat osservat ukoll li fil-bar kien hemm impjegat ieħor li xogħlu ma kienx regolarizzat, u li dan seħħ biss wara l-ispezzjoni tal-Jobsplus. Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti sabet lil Xuereb ħati u kkundannatu multa ta’ €3,000.
//= $special ?>

