Lokali Mużika

This Odometer Syndrome – Is-single l-ġdida ta’ Sceptocrypt

Noel D’Anastas

Ftit tal-jiem ilu, Sceptocrypt irritorna b’single ġdida, This Odometer Syndrome. Din tinawgura wkoll proġett ta’ album ġdid li din il-band li ddoqq mużika metal estrema se tagħtina fix-xhur li ġejjin. Sceptocrypt, li twaqqaf f’Malta fis-snin disgħin, kellha t-tlugħ u nżul, tant li kien ukoll sfaxxa.

Malcolm Callus jitkellem dwar kif fl-Ingilterra reġa’ qajjem lil Sceptocrypt u issa li qed jikteb materjal ġdid.

X’hemm ippjanat?

Fl-2022 kont qed tfittex membri ġodda. Kif kien dan il-proċess? Fil-fatt, matul l-2024 u l-2025 kellek xi tibdil fil-line-up u nassumi li issa tinsabu aktar iffukati. Ikkumnenta.

Fil-verità, it-tfittix għal membri beda fl-2015 meta jien u sieħbi Adriano bdejna nikkomponu diski ġodda għal Sceptocrypt. Pruvajna ngħaqqdu line-up iżda ma rnexxilniex, u billi Adriano kien involut f’bands oħrajn li jitlobu l-ħin tagħhom, iddeċidejna ma nkomplux. Iżda jien dejjem bqajt infittex drummer (għax mingħajru ma taħdimx fil-mużika estrema) u fl-2022 sibt wieħed u ftit wara wkoll bassist u kantant. Iżda minn dawn, il-bassist biss kien konsistenti u għalhekk jien u hu komplejna nfittxu sakemm sibna drummer ġdid, Dr. Sol.

F’dan iż-żmien, Dr. Sol żviluppa uġigħ f’saqajh, u l-bassist beda xogħol ġdid u spiċċajna niltaqgħu anqas. Għalhekk kelli nsib bassist ieħor. Wara ftit sibna kantant, li nzerta jaf keyboardista, kif ukoll drummer. Ġew jippruvaw u għoġobhom. B’din il-line-up, issa qed niltaqgħu regolarment, u qegħdin inħejju biex nirrekordjaw album.

Lejn l-aħħar tal-2023 u l-bidu tal-2024, kontu rrekordjajtu The Unwanted Requiem u The Wards Outside. Kellkom ħoss differenti, iżda wkoll uniku. Kif intlaqa’ dan il-materjal ġdid, imqabbel mal-ħoss li Sceptocrypt kien magħruf għalih?

Billi Sceptocrypt dejjem infittxu svog artistiku oriġinali, qatt ma kellna ħoss konsistenti. Bejn iż-żewġ siltiet imsemmija hemm baħar jaqsam, u bejn is-seba’ diski li ħerġin fl-album il-ġdid hemm ukoll varjetà minn diska għall-oħra. Jista’ però jingħad li ħafna mill-passaġġi mużikali li qed nesploraw joqorbu aktar lejn l-estremità ta’ Wards aktar milli mit-trankwillità ta’ Requiem.

X’influwenzi hemm fil-materjal il-ġdid? X’influwenzi ġabu magħhom il-membri ġodda?

Kif għedt qabel, l-influwenzi ma jiqfux u għalhekk il-varjetà ma tonqosx. Attwalment, għandna seba’ diski. Waqt li t-tema konsistenti tesplora sferi varji ta’ mużika metal estrema – prinċipalment black, death u doom metal – ħsejjes ta’ influwenzi industrijali/elettroniċi, waltz makabru, kif ukoll ħsejjes tipiċi ta’ films tal-orrur tas-snin tmenin, mhumiex nieqsa. Hemm ukoll diska strumentali b’ħoss predominanti ta’ kitarra akustika mħallta ma’ ħsejjes eterjali kemm fil-kant u l-kampjuni tal-ħoss li nużaw.

Għadkom kemm nedejtu This Odometer Syndrome. X’tittratta?

Din hi waħda mid-diski li se jkunu parti mill-album, li ħarġet biss bħala ħjiel għall-ħoss tal-line-up il-ġdid. Madankollu, billi l-keyboardista ma kienx għadu ngħaqad magħna meta rreġistrajniha, is-single se tkun nieqsa minn ħafna ħsejjes elettroniċi li se jkunu inklużi kemm fil-verżjoni finali kif ukoll meta ndoqquha live.

Għandkom diġà tliet songs demo lesti. Kemm huwa ppjanat li jiġbor tracks l-album il-ġdid? Fejn qed tirrekordjawh?

Kif semmejt, se jkun hemm seba’ diski. Erbgħa minnhom diġà għamilna l-preproduction u rrekordjajna ħafna mill-kitarri u l-bass. Min-naħa l-oħra, tliet diski oħra għadhom fi proċess li kulħadd qed jitgħallem il-partijiet rispettivi, biex imbagħad ninġabru għal xi tibdiliet ta’ ideat ġodda li kull membru jġib miegħu. Għalhekk jista’ jingħad li dawn it-tliet diski għadhom works-in-progress.

Wara 28 sena, Sceptocrypt se jerġa’ jitla’ fuq l-istage live, proprju nhar is-6 ta’ Frar f’Dark Clouds over Camden f’Londra u tliet ijiem wara se tkunu fil-Grim Reaper Festival fit-Tigullio f’Malta. Xi stennija hemm?

Oġġettivament ma nistax ngħid. Nispera li jiġu ħafna nies, speċjalment għall-Grim Reaper Festival f’Malta, għax filwaqt li Londra jaf nerġgħu ndoqqu fi żmien qarib (billi issa l-grupp hu bbażat f’Londra), mhux l-istess il-każ għal Malta. Għalhekk nispera li kull min jiftakarna minn żmien id-disingħijiet, jiġi jarana. Ta’ min ukoll jirrimarka li l-Grim Reaper Fest se jkun hemm 11-il band u għalhekk mistenni jkun nofs ta’ nhar ta’ ħsejjes varji.

Il-logo huwa ġdid – ikkummenta.

Xbajt nara logos qishom zkuk ta’ siġar niexfa. Minkejja li l-logo l-antik jinqara xi naqra, naħseb li l-ġdid huwa aktar modern u ċar, u rappreżentattiv aktar tal-fatt li minkejja li aħna prinċipalment band ta’ metal estrem, fil-verità niġbru ħafna aktar influwenzi. Minn hawn nirringrazzja lil eks kantant tagħna James Sciberras li kien il-moħħ u l-pinna wara ż-żewġ logos.

Għal aktar dettalji dwar Sceptocrypt ara  www.sceptocrypt.com/lyrics-songs kif ukoll il-mezzi soċjali.