Lokali

Toroq għan-nies, mhux biss għall-karozzi: NGOs jikkundanaw l-proposta riċenti biex jinbena pont pedonali

Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti u Rota jikkundannaw bil-qawwa l-proposta riċenti biex jinbena pont pedonali bħala parti mill-proġett tal-Imsida Creek. L-NGOs jinnotaw li proposti simili biex jinbnew pontijiet pedonali bħala parti mill-pjanijiet oriġinali tal-proġett fl-2020 kienu diġà ġew miċħuda għal diversi raġunijiet.

Pont fil-lokalità proposta ma jkunx iddisinjat bil-ħsieb tas-sigurtà u l-konvenjenza tal-pedestrians, iżda sempliċement biex itejjeb il-fluss tat-traffiku. Minflok jaqsmu t-triq b’mod rapidu u sigur bl-użu tad-dwal pedonali (pelican lights), kif dejjem kien isir, il-pedestrians ikollhom jieħdu rotta itwal, jitilgħu diversi sulari jew rampi, jew jiddependu fuq liftijiet li ħafna drabi ma jkunux qed jaħdmu.

Sistema ta’ rapportar żviluppata minn Rota rċeviet aktar minn 350 rapport dwar liftijiet mhux jaħdmu fi spazju ta’ biss sentejn u nofs. Dan jinkludi biss lil dawk li rrappurtaw il-ħsara, u għalhekk in-numru reali x’aktarx huwa ferm ogħla.

Is-sigurtà hija tħassib ieħor kbir. Meta wieħed iqis li l-qsim jinsab eżatt quddiem il-bus-stop tal-Kulleġġ, u fl-istess ħin iservi bħala konnessjoni bejn iż-żewġ naħat tal-Imsida, pont f’dik iż-żona joħloq periklu għas-sigurtà aktar milli miżura ta’ protezzjoni. Mhux diffiċli timmaġina pedestrians jippruvaw jaqsmu minn taħt il-pont, minkejja r-riskji involuti. Barra minn hekk, il-qsim ta’ pont pedonali bil-lejl ma jżidx is-sens ta’ sigurtà għal min ikun qed jaqsam, u x’aktarx jinkoraġġixxi lill-pedestrians fil-qrib jużaw vetturi privati minflok.

Barra minn hekk, pont bħal dan ma jkunx inklussiv għall-anzjani, persuni b’diżabilità jew b’diffikultajiet ta’ mobilità, ċiklisti, persuni li jkunu qed iġorru oġġetti jew dawk bil-pushchairs. Pontijiet simili mibnija f’postijiet oħra f’Malta – bl-eċċezzjoni notevoli ta’ dak ta’ Blata l-Bajda – baqgħu ftit li xejn jintużaw. Ċiklisti li jivvjaġġaw mill-Belt Valletta u jixtiequ jaqsmu lejn iż-żona tal-Junior College jkollhom jiddependu fuq liftijiet minflok qsim sempliċi fl-istess livell, l-istess bħal ħafna persuni b’mobilità mnaqqsa jew b’pushchairs li jużaw dan il-qsim kuljum.

Hemm nuqqas ċar ta’ trasparenza dwar għaliex il-pont ġie propost mingħajr konsultazzjoni u ġie impost fuq il-komunitajiet, wara li kien diġà ġie miċħud sitt snin ilu. Il-Gvern isostni li l-istudenti tal-Junior College kienu dawk li pproponew il-pont, madankollu ma ttieħed ebda kont tar-residenti u tal-vjaġġaturi l-oħra fiż-żona, u lanqas tal-esperti fit-trasport. Il-Kunsill Lokali tal-Imsida nnota li pont bħal dan joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti.

L-alternattiva ovvja għal pont hija qsim fl-istess livell bid-dwal pedonali, fejn in-nies jinġabru u jaqsmu f’daqqa. Qsim pedonali traffikuż huwa mfassal biex iċċaqlaq numru kbir ta’ persuni b’mod rapidu u sigur: Shibuya Crossing f’Tokjo jippermetti lil 3,000 persuna jaqsmu f’inqas minn minuta, Times Square fi New York madwar 1,200 persuna fi 30–40 sekonda, u Oxford Circus f’Londra madwar 800 persuna f’madwar 40 sekonda. Kieku l-istess numru ta’ persuni kellhom jaqsmu permezz ta’ lift li jesa’ biss sitt persuni kull darba, kien jieħu bejn siegħa u erba’ sigħat biex kulħadd jaqsam, anke taħt kundizzjonijiet idealistiċi mhux realistiċi. Dan il-paragun jenfasizza li l-qsim fit-triq huwa infrastruttura pubblika ta’ kapaċità għolja, filwaqt li l-liftijiet huma bil-mod, restrittivi u mhux affidabbli. Is-sostituzzjoni ta’ qsim fl-istess livell b’liftijiet jew pontijiet tnaqqas drasticament l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-inklużività f’żoni urbani traffikużi.

Jekk il-Gvern tassew serju dwar mobilità inklussiva, sigura u aċċessibbli, għandu jiżgura li l-konnettività għall-pedestrians u ċ-ċiklisti tingħata prijorità f’kull proġett infrastrutturali maġġuri.

Bħala NGOs li jirrappreżentaw liċ-ċittadini, nitolbu infrastruttura li tindirizza l-bżonnijiet preżenti u futuri ta’ kulħadd – miż-żgħir sal-kbir, bil-mixi jew bir-rota – u mhux biss tal-vetturi, kif ukoll soluzzjonijiet li ma jerġgħux iduru madwar l-istess ideat qodma u għajjenin.