It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva laqa’ appell ippreżentat minn Mario Tonna u ħassar id-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li kienet ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ armi u ordna li ssir evalwazzjoni ġdida tal-applikazzjoni fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Dr. Charmaine Galea, President tat-Tribunal. Ir-rifjut tal-liċenzja kien ġie kkomunikat lill-appellant permezz ta’ ittra datata 12 ta’ Novembru 2024, ibbażata fuq rapporti li saru mal-Pulizija dwar argumenti u ġlied domestiku bejn l-appellant u martu, kif ukoll allegazzjonijiet li seta’ jagħmel ħsara lilu nnifsu.
It-Tribunal sema’ x-xhieda, eżamina d-dokumenti kollha ppreżentati u qies il-fatt li, għalkemm saru diversi rapporti bejn l-2023 u l-2024, dawn wasslu għal kawżi kriminali li fl-aħħar mill-aħħar ġew rinunzjati, biż-żewġ partijiet jorbtu ruħhom li jżommu l-paċi.
Ġie nnutat ukoll li l-appellant kien ilu taħt segwitu ta’ psikoterapista privat, li ppreżenta diversi ċertifikati li jikkonfermaw li l-appellant ma kienx ta’ theddida la għalih innifsu u lanqas għal ħaddieħor. Ix-xhieda tal-mara tal-appellant kienet ukoll meqjusa rilevanti, hekk kif ikkonfermat li qatt ma ħasset biża’ mill-fatt li żewġha kellu armi tan-nar u li huwa dejjem kien diliġenti u responsabbli fl-użu tagħhom.
It-Tribunal osserva li dawn l-elementi ma kinux ġew ikkunsidrati mill-Kummissarju meta ħa d-deċiżjoni tiegħu, li kienet ibbażata kważi esklussivament fuq ir-rapporti tal-Pulizija. Filwaqt li rrikonoxxa r-responsabbiltà tal-Kummissarju li jissalvagwardja s-sigurtà pubblika, it-Tribunal sostna li kull każ irid jiġi evalwat fil-kuntest tiegħu u li d-diskrezzjoni amministrattiva għandha tiġi eżerċitata b’mod raġjonevoli u bilanċjat.
F’dan il-każ, it-Tribunal wasal għall-konklużjoni li l-provi prodotti mill-appellant kienu jegħlbu t-tħassib li wassal għar-rifjut inizjali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija ġiet revokata u ordnat li ssir evalwazzjoni ġdida tal-applikazzjoni għall-liċenzja tal-armi.
//= $special ?>

