It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva ċaħad rikors imressaq minn Frankie Zahra kontra d-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li rtiralu l-liċenzja ta’ gwardjan privat, wara li kien instab ħati ta’ reati kontra l-persuna.
Il-każ instema quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, li fis-sentenza tagħha, kkonkludiet li d-deċiżjoni tal-Kummissarju kienet skont il-liġi u fil-parametri stabbiliti mill-Att dwar il-Gwardjani Privati u Lokali. Zahra kien appella minn ittra datata 21 ta’ Mejju 2024 li biha ġie informat li l-liċenzja tiegħu kienet qed tiġi rtirata skont l-Artikolu 10(a)(v) tal-Kapitolu 389, wara li fit-27 ta’ Diċembru 2023 ammetta u nstab ħati ta’ reati ta’ vjolenza domestika kontra s-sieħba tiegħu.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannatu sena ħabs sospiża, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija u l-kooperazzjoni tiegħu mal-pulizija. Fir-rikors tiegħu, Zahra sostna li d-deċiżjoni kienet sproporzjonata u li kienet qed tikkawżalu preġudizzju serju peress li kien se jitlef xogħlu ma’ Global Security Services, fejn kien ilu jaħdem mill-2022, u argumenta wkoll li kien qed jiġi “kkundannat darbtejn” għall-istess reat.
Qal li l-Qorti kienet uriet fiduċja fih meta ssospendiet il-piena karċerarja u li ma kienx hemm periklu għall-interess pubbliku. Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija sostna li l-liġi timponi obbligu li liċenzja ta’ gwardjan privat tiġi rrifjutata jew irtirata meta persuna tkun instabet ħatja ta’ delitt kontra l-persuna, u li f’dan il-każ ma kien hemm ebda diskrezzjoni.
Enfasizza wkoll li Zahra ma kienx ipprekluż milli jaħdem f’xogħol ieħor, iżda biss milli jkompli jaħdem bħala gwardjan privat minħabba n-natura sensittiva ta’ dan ix-xogħol. It-Tribunal ċaħad l-eċċezzjoni preliminari dwar il-forma tar-rikors, iżda fil-mertu ddeċieda li l-Kummissarju eżerċita d-diskrezzjoni tiegħu b’mod ġust u skont il-liġi.
Ġie osservat li persuna li tinstab ħatja ta’ reat kontra l-persuna tista’ terġa’ tapplika għal liċenzja biss wara li jgħaddu ħames snin mid-delitt. Għaldaqstant, l-appell ta’ Zahra ġie miċħud kollu kemm hu, bl-ispejjeż jitħallsu minnu. Is-sentenza ġiet iffirmata mill-Maġistrat Dr. Charmaine Galea, President tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.
//= $special ?>

