Internazzjonali

Trump jgħid li l-konklużjoni tal-gwerra tinsab viċin

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, indika li ftehim għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna jinsab eqreb minn qatt qabel u li għandu jkun konkluż malajr.

Dan meta hu ssieħeb mal-Mexxejja l-oħrajn tad-dinja f’Davos, fl-Iżvizzera, biex jinawgura l-Bord tal-Paċi – intiż biex isolvi l-kunflitti internazzjonali.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, fl-aħħar sigħat, kellu taħditiet ma’ Trump f’Davos fejn, flimkien, analizzaw it-triq ‘il quddiem wara kważi erba’ snin ta’ gwerra fl-artijiet Ukreni.

Intant, fi żviluppi oħra, is-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Yvette Cooper, qalet li pajjiżha, għalissa, mhux se jikkonferma sħubija fil-Bord ġdid għall-Paċi li se jkun immexxi minn Trump. Dan fost tħassib dwar il-parteċipazzjoni potenzjali fil-Bord tal-President Russu, Vladimir Putin.

Donald Trump, bħala Chairman ta’ dan il-Bord, se jkollu poteri sostanzjali – minbarra li tiegħu se tkun l-aħħar kelma dwar id-deċiżjonijiet li jittieħdu.