Raġel ta’ 38 sena minn Birkirkara nstab ħati ta’ ħasil ta’ flus u diversi reati oħra, bil-Qorti tordna l-konfiska ta’ kważi l-assi kollha tiegħu, li jlaħħqu s-somma ta’ €56,000 – ħlief għal tmien sinniet tad-deheb li tħallewlu għal raġunijiet ta’ saħħa u umanitarji. Huwa ġie mmultat ukoll €3,400.
Daniel Briffa kien akkużat li wettaq ir-reat ta’ ħasil ta’ flus f’Novembru 2021 u fix-xhur u s-snin ta’ qabel. Huwa kien mixli wkoll li ffroda lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, li żamm arma tan-nar u sikkina mingħajr permess tal-Pulizija, li kiser sentenzi tal-Qorti u li naqas milli jiddikjara d-dħul tiegħu għall-perjodu bejn l-2013 u l-2021.
L-investigazzjonijiet bdew wara li fit-13 ta’ Novembru 2021 Briffa ġie arrestat b’rabta ma’ reati relatati mad-droga. Waqt l-arrest, il-Pulizija nnutat li kellu fuqu ammont sostanzjali ta’ dehbijiet kif ukoll arloġġ tad-ditta Bulova, u għalhekk ġiet infurmata l-Iskwadra Kontra l-Ħasil tal-Flus biex tinvestiga l-aspett finanzjarju tal-każ.
Mill-inkjesti rriżulta li Briffa kien jaħdem bħala pizzar iżda ma kienx irreġistrat mal-Jobsplus, ma kienx iħallas taxxa u fl-istess ħin kien qed jirċievi benefiċċji soċjali. Fil-Qorti ġie kkonfermat li kellu kwantità konsiderevoli ta’ deheb u oġġetti ta’ valur minkejja li ma kellu ebda dħul iddikjarat.
Il-Maġistrat Leonard Caruana sabu ħati ta’ ħasil ta’ flus, frodi kontra d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, pussess illegali ta’ arma tan-nar u sikkina, kif ukoll ksur ta’ sentenzi tal-Qorti. Meta ġie biex jiddeċiedi dwar il-piena, il-Maġistrat qies l-instabbiltà psikoloġika tal-akkużat u rrimarka li piena ta’ ħabs effettiva kienet tkompli tħarbat is-sitwazzjoni tiegħu u tfixkel il-kura li kien qed jirċievi.
Madankollu, il-Qorti saħqet li ma setgħetx tinjora l-fatt li Briffa bbenefika minn attività illegali u minn assi li fuqhom ma tħallsitx taxxa, filwaqt li enfasizzat li l-ħlas tat-taxxa huwa obbligu ċivili fundamentali. Il-Qorti nnutat li Briffa rċieva madwar €60,395 f’benefiċċji soċjali mhux dovuti, filwaqt li l-valur tal-assi tiegħu kien jammonta għal madwar €56,000, li jinkludu dehbijiet u arloġġ Rolex stmat €17,500.
Għaldaqstant, il-Qorti ordnat il-konfiska tal-assi kollha sa valur ta’ €56,000 u imponiet multa ta’ madwar €3,400 biex tkopri d-differenza bejn dan l-ammont u l-benefiċċji soċjali rċevuti. Briffa tqiegħed ukoll taħt ordni ta’ probation għal tliet snin, ġie ordnat jagħmel 250 siegħa xogħol fil-komunità, ingħata ordni ta’ trattament u ġie kkundannat iħallas madwar €10,600 fi spejjeż tal-Qorti.
Il-Maġistrat Caruana ddeċieda li jeżenta t-tmien sinniet tad-deheb mill-konfiska għal raġunijiet ta’ saħħa u umanitarji. L-investigazzjonijiet tmexxew mill-Ispettur Ian Camilleri mill-Iskwadra Kontra l-Ħasil tal-Flus, filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat David Gatt.
il-Qorti ordnat il-konfiska tal-assi kollha sa valur ta’ €56,000 u imponiet multa ta’ madwar €3,400 biex tkopri d-differenza bejn dan l-ammont u l-benefiċċji soċjali rċevuti. Briffa tqiegħed ukoll taħt ordni ta’ probation għal tliet snin, ġie ordnat jagħmel 250 siegħa xogħol fil-komunità, ingħata ordni ta’ trattament u ġie kkundannat iħallas madwar €10,600 fi spejjeż tal-Qorti.
//= $special ?>

