Lokali

Żewġ xufiera tal-muturi weġġgħu gravi f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku

Żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku
aktar kmieni llum.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-07:30, fi Triq il-Belt Valletta, iż-Żurrieq. Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Tercel misjuqa minn raġel ta’ 42 sena residenti l-Mosta u mutur Honda WW125 misjuq minn raġel ta’ 28 sena residenti ż-Żurrieq.

It-tieni inċident ġara għal xi t-08:00, fi Triq Wied iz-Ziju, Wied il-Għajn.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel mill-Bangladesh ta’ 36 sena u residenti Wied il-Għajn, tilef
il-kontroll tal-mutur Vogue 300AC u waqa’.

Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u ż-żewġ xufiera tal-muturi ttieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura medika, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu b’mod gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.