Lokali Temp

FILMAT: Il-ħsarat li ħalliet il-maltempata Harry għadhom evidenti

Hemm xogħlijiet li jafu jieħdu x-xhur

Mill-Mistra sal-Belt Valletta – il-marka li ħalla warajh iċ-ċiklun Harry għadha evidenti. Il-qawwa tal-mewġ baqgħet dieħla sal-Port il-Kbir, bil-baħar jaqbeż il-breakwater. Tant li anke mill-ħajt taħt il-Qanpiena tal-Belt spiċċa tkisser kompletament. U z-zona kellha tingħalaq sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji.

Fil-każ ta’ Għar Lapsi, il-profil tal-bajja inbidel kompletament. U issa, qed isir sforz kollettiv biex jitneħħa l-periklu kollu. Dan filwaqt li l-aċċess għall-bajja – temporanjament – ingħalaq għal kollox.

Jidher li dawn mhux se jkunu xogħlijiet ta’ ftit xhur; apparti l-fatt li kull intervent irid ikun sensittiv għall-aspett naturali ta’ Għar Lapsi.

Net News jinsab infurmat li mis-Sibt li ġej se tibda wkoll ħidma, bl-użu ta’ krejn, biex jittellgħu d-dgħajjes li għadhom man-naħa tal-baħar.

Miżura li kienet tard wisq

Ħsarat enormi anke f’Wied il-Għajn. Bin-network tar-residenti ta’ Marsakala jispjega kif din il-maltempata kaxkret il-pjanci bil-banners li kienu qed jippromwovu l-proġett tul Triq ix-Xatt, spiċċaw jaħbtu mal-faċċati tal-ħwienet. U l-miżura li ttieħdet meta tpoġġew blokki tal-konkos fuq in-naħa tal-promenade fejn iċ-ċint għadu mhux lest …kienet tard wisq.

L-istess residenti innutaw kemm l-infrastruttura fin-naħa taż-Żonqor tinsab fi stat ħażin ħafna. U minkejja dan, fil-proġett ta’ riġenerazzjoni li qed jagħmel il-Gvern, din in-naħa ġiet eskluża.

Intant, skont ċifri uffiċjali li ħarġu, kienu kienu 700 is-sejħiet li saru fl-eqqel ta’ din il-maltempata.

Ġie rappurtat ukoll li l-ħaddiema mid-Diviżjoni tat-Tindif fl-aħħar jiem ġabru mal-460 tunnellata ta’ materjal u ħmieġ li tkaxkar bir-riħ u bl-ilma baħar.

Aktar riħ qawwi

U jekk ħsibtu li l-maltemp għadda, sejrin żball. Dan għaliex skont il-previżjoni tat-temp jidher li l-ġimgħa d-dieħla se jerġa’ jitqawwa r-riħ, u jinżlu t-temperaturi – fejn f’xi każi s-saħħa tar-riħ se titla’ għal Forza 7 mill-Majistrall.