“Il-ħidma f’pajjiżna irid ikun suċċess għal kulħadd. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista għaddej bit-tħejjijiet sabiex issir il-Konvenzjoni Nazzjonali fi Frar li ġej”.
Kien dan il-messaġġ li wassal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello meta kien intervistat waqt NETLIVE fuq Net Television.
Charles Bonello spjega li l-Kunsill Ġenerali li se jkun qed isir fi tmiem din il-ġimgħa huwa wieħed politiku, u li se jkun qed jikkonċentra fuq il-politika attwali f’pajjiżna.
Bis-Segretarju Ġenerali jispjega li ġew preparati anke ħames mozzjonijiet u li se jkunu qed jitressqu nhar il-Ħadd.
Charles Bonello spjega li dan il-Kunsill Ġenerali se jwitti t-triq, għall-Konvenzjoni Nazzjonali li se tkun qed issir fi Frar. Konvenzjoni li se tkun qed issir bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd għal Malta aħjar.
Is-Segretarju Ġenerali stqarr li matul dan il-weekend, il-Partit Nazzjonalista għandu numru ta’ attivitajiet preparati fil-gżira Għawdxija. Fejn anke spjega li dawn l-attivitajiet, li se jkunu qed jilħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ħadd, qed isiru Għawdex sabiex ikun enfasizzat l-impenn tal-Partit Nazzjonalita lejn il-gżira Għawdxija.
Il-Ħadd 25 ta’ Jannar se jkun qed jintlaħaq il-qofol tal-Kunsill Ġenerali ‘Dan Hu l-Mument’, li se jagħlaq bil-messaġġ li se jwassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.


