Il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet it-talba ta’ Abdalla Bari u Amara Kromaha biex jitħassru l-akkużi ta’ terroriżmu miġjuba kontrihom b’rabta mal-każ tal-vapur El Hiblu 1, u minflok ordnat lill-Avukat Ġenerali jemenda difett fl-att ta’ akkuża li għandu jitressaq quddiem ġurija. Il-Qorti laqgħet parzjalment l-appell tagħhom, iżda rrifjutat li tiddikjara n-nullità tal-akkużi kif mitlub mid-difiża.
Bari u Kromaha jinsabu akkużati b’disa’ kapijiet ta’ akkuża, fosthom reati ta’ terroriżmu, detenzjoni illegali tal-ekwipaġġ u użu ta’ vjolenza morali jew psikoloġika fuq il-baħrin. Huma jiċħdu l-akkużi kollha. Inizjalment kienu tressqu l-qorti flimkien ma’ Abdul Kader, li minn dak iż-żmien ħarab u bħalissa qed jiġġieled l-estradizzjoni tiegħu mir-Renju Unit.
L-akkużati kienu adolexxenti meta ġew arrestati fl-2019 wara li l-vapur El Hiblu 1 ġie interċettat mill-forzi armati waqt li kien fuq il-baħar. Skont il-pulizija, l-azzjonijiet kienu mmexxija minn Kromaha, Kader u Bari, li dak iż-żmien kellhom 15, 16 u 19-il sena rispettivament.
L-Avukat Ġenerali kien akkużahom b’reati relatati mat-terroriżmu, u huma kienu nżammu arrestati għal disa’ xhur qabel ingħataw il-libertà proviżorja f’Novembru tal-istess sena. Huma jsostnu li kienu qed jaġixxu bħala interpreti, peress li kienu jafu bl-Ingliż u setgħu jikkomunikaw mal-kaptan.
Permezz tal-avukati tagħhom, Bari u Kromaha appellaw sentenza tal-Qorti Kriminali tat-29 ta’ Lulju 2025 li kienet ċaħdet l-eċċezzjonijiet preliminari tagħhom, li bihom talbu li l-ewwel tliet kapijiet ta’ akkuża relatati mat-terroriżmu jiġu ddikjarati nulli. Huma argumentaw li l-artikoli tal-liġi msemmija fl-att ta’ akkuża ma kinux jikkostitwixxu r-reat imputat u li l-fatti kif narrati ma juru l-ebda att ta’ terroriżmu li kkawża ħsara lil Malta.
Il-Qorti tal-Appell osservat li l-Avukat Ġenerali għandu diskrezzjoni dwar kif jitfassal l-att ta’ akkuża u li l-liġi titlob biss li l-artikolu li joħloq ir-reat ikun ikkwotat b’mod ċar fl-att, flimkien mat-talba biex l-akkużat jiġi ġġudikat u kkastigat skont il-liġi. Il-Qorti rrilevat li l-liġi ma tispeċifikax f’liema parti tal-att għandu jidher l-artikolu, u sabet li f’dan il-każ ir-rekwiżiti formali ġew osservati.
Il-Qorti qablet ukoll mal-Qorti Kriminali li n-narrattiva tal-fatti fl-att ta’ akkuża ma tikkostitwixxix prova u li l-ġurati għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom biss fuq l-evidenza mressqa waqt il-proċess. F’dan l-istadju, il-kompitu tal-Qorti hu biss li tivverifika jekk il-fatti narrati, fis-sustanza tagħhom, jammontawx għar-reat imputat, u f’dan il-każ sabet li dan il-kriterju kien sodisfatt. Jekk xi element tar-reat ma jiġix ippruvat waqt il-proċess, dan jista’ jwassal għal liberazzjoni, iżda dan hu matterja għall-ġurija.
Fir-rigward tat-tielet aggravju, il-Qorti sabet li f’wieħed mill-kapijiet ta’ akkuża l-Avukat Ġenerali kien ikkwota artikolu żbaljat tal-liġi. Madankollu, dan id-difett seta’ jiġi rimedjat permezz ta’ emenda u ma kienx tali li jikkawża preġudizzju irrimedjabbli lill-akkużati. Għaldaqstant, il-Qorti ordnat lill-Avukat Ġenerali jagħmel l-emenda meħtieġa u bagħtet lura l-atti quddiem il-Qorti Kriminali sabiex il-kawża tkompli skont il-liġi.
Il-Qorti tal-Appell kienet preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti. Għal Bari u Kromaha dehru l-avukati Cedric Mifsud, Carla Camilleri u Neil Falzon.
//= $special ?>

