L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku kritika lill-President Amerikan Donald Trump wara li hu, waqt id-diskors tal-Ħamis f’Davos, iddisrispetta bil-kbir ir-rwol u s-sagrifiċċju tas-suldati tar-Renju Unit u tan-NATO waqt il-gwerra tal-Afganistan.
Minkejja li r-Renju Unit u pajjiżi oħrajn, alleati tal-Istati Uniti, sofrew il-mijiet tal-mejtin u midruba waqt il-kampanji militari kontra t-terroristi fl-Afganistan, Donald Trump, waqt li kien qed jindirizza lill-Forum Ekonomiku Dinji, sostna li ‘dawn it-truppi pjuttost żammew lura milli jimpenjaw ruħhom tassew fil-kampijiet tal-battalja’….Insinwazzjoni li ‘bihom u mingħajrhom ma kenitx se tagħmel differenza għas-suldati Amerikani fl-artijiet Afgani’.
Dawn il-kummenti rrabjaw sew lill-veterani tal-gwerra u l-politiċi Britanniċi wara li ħafna mis-suldati tagħhom kellhom iħallsu b’ħajjithom biex jappoġġjaw lill-Istati Uniti fil-gwerra kontra t-Taliban u gruppi terroristiċi oħrajn fl-Afganistan.
Il-Ministru Britanniku responsabbli mill-Forzi Armati, Al Carns, qal li l-kummenti ta’ Trump kienu ‘redikoli u misinformati’ waqt li l-Kap tal-Partit Konservattiv fl-Oppożizzjoni, Kemi Badenoch, qalet li ‘diskors bħal dan għandu jqanqal għajb kbir’.
Ir-Renju Unit kien l-ewwel pajjiż, fost pajjiżi alleati oħra, li, fl-2001, issieħeb mal-kampanja militari tal-Istati Uniti kontra t-Taliban fl-Afganistan.
Dan wara li l-Istati Uniti saret l-ewwel pajjiż fl-istorja tan-NATO li attivat l-Artiklu 5 tal-Alleanza li tesiġi għal klawsola tas-sigurtà kollettiva…Klawsola li effettivament tfisser li l-pajjiżi membri tan-NATO jridu jingħaqdu fid-difiża ta’ pajjiż tal-Alleanza li jisfa’ mira għal attakk militari jew għal aggressjoni fuq ċerta skala.
L-Artiklu 5 (għall-‘mutual defence arrangement’) kien invokat wara li t-terroristi tal-grupp Al-Qaeda li kienu qed jopera mill-Afganistan wettqu l-attakki storiċi fi New York u Washington fil-11 ta’ Settembru tal-2001. Intant, jibqa’ il-fatt li 457 membru tas-servizzi militari Britanniċi tilfu ħajjithom fil-konflitt tal-Afganistan li dam għaddej is-snin.
Ir-rappreżentanti tal-veterani Britanniċi li taw servizz fl-Afganistan, sadanittant, ikkundannaw bla riservi lill-kummenti ta’ Trump li kienu ‘neqsin sew mir-rispett għal sħabhom li sagrifikaw ħajjithom bħala alleati li dejjem kienu hemm għall-Amerikani fi żmenijiet ta’ prova’.
//= $special ?>

