Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ għomor il-ħabs għal mara fil-qtil tas-sieħeb tagħha fil-Mellieħa

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza ta’ għomor il-ħabs mogħtija lil Mayumi Santos Patacsil, Filippina ta’ 48 sena, li kienet instabet ħatja li qatlet lis-sieħeb tagħha Marcellino Montalban Saraza fl-2021. Saraza kien inqatel b’daqqa ta’ sikkina f’sidru u oħra f’għonqu fl-appartament fil-Mellieħa fejn kienet tgħix il-koppja.

F’Awwissu tal-2025, il-ġurati, b’disa’ voti favur u xejn kontra, sabuha ħatja li kkaġunatlu l-mewt, filwaqt li b’seba’ voti kontra tnejn instabet ħatja wkoll li għamlet rapport falz ta’ vjolenza domestika. Minbarra s-sentenza ta’ għomor il-ħabs, hija kienet ġiet ordnata tħallas is-somma ta’ €17,907.39 fi spejjeż tal-Qorti. Patacsil appellat mis-sentenza u talbet, fost l-oħrajn, li din tiġi annullata u li jsir proċess mill-ġdid.

Il-Qorti semgħet kif il-vittma kien instab f’għadira demm u kif l-akkużata sostniet li aġixxiet biex tiddefendi lilha nnifisha waqt argument jaħraq. Hija ammettiet li tatu daqqa b’sikkina f’sidru u li ppruvat tħanxarlu għonqu. Mill-provi rriżulta iżda li hija ħanxritlu għonqu wara li kien diġà miet u li wara għattietu b’kutra. Instab ukoll li żewġ skieken, waħda fis-sink tal-kċina u oħra taħt il-gallarija, kienu mċappsa bid-demm tal-vittma.

Mill-evidenza ħareġ li r-relazzjoni bejn il-koppja kienet waħda turbolenti u mmarkata minn argumenti frekwenti, l-aktar minħabba għira kbira min-naħa tal-akkużata. Fil-Qorti nstema’ kif hija kienet tagħmel telefonati ripetuti lill-vittma, lill-ħbieb tiegħu u fuq il-post tax-xogħol biex tkun taf fejn jinsab u ma’ min. Il-Qorti osservat li, minkejja li ma kinitx tbati minn mard psikjatriku, Patacsil kienet turi livell għoli ta’ għira lejn il-vittma. Minħabba l-istorbju u l-argumenti frekwenti, is-sid tal-appartament kien keċċa lill-koppja wara lmenti mill-ġirien.

Il-Qorti semgħet ukoll kif, wara li seħħ il-qtil, l-akkużata telqet mill-post b’bagalja u marret għand xi ħbieb. Meta qaltilhom li taħseb li qatlitu, huma rrifjutaw li jilqgħuha u qalulha tikkuntattja lill-Pulizija. Meta ċemplet lill-Pulizija, hija rrappurtat li kienet vittma ta’ vjolenza domestika u li s-sieħeb tagħha pprova jistupruha. Madankollu, il-Qorti osservat li din il-verżjoni ma ġietx ippruvata, peress li ma nstabet ebda prova li tappoġġja allegazzjoni ta’ attentat ta’ stupru.

Waqt l-analiżi tal-appell, il-Qorti tal-Appell qieset li l-akkużata xehdet fil-proċess u li l-ġurati kellhom l-opportunità josservaw l-imġiba u l-komportament tagħha waqt ix-xhieda. Dwar l-argument tagħha li ma kellhiex difiża xierqa, il-Qorti qalet li ma setgħetx taċċetta din it-talba, peress li inizjalment kienet assistita minn avukati tal-għażla tagħha stess u li aktar tard ġiet ipprovduta b’avukat tal-għajnuna legali.

Il-Qorti rrilevat ukoll li hija qatt ma lmentat li kienet assistita minn avukati differenti waqt l-interrogazzjonijiet tagħha.

Il-Qorti kkonkludiet li l-akkużata ma ġietx imċaħħda minn ebda dritt fundamentali u li rċeviet assistenza legali adegwata tul il-proċeduri kollha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti, ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza ta’ għomor il-ħabs.