Is-summit ta’ emerġenza fi Brussell baqa’ sejjer sa tard bil-lejl – ebda konklużjonijiet formali. Iżda huwa ċar li l-blokk Ewropew baqa’ magħqud wara d-Danimarka, fuq il-kwistjoni Greenland. Bil-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen, fi tmiem il-Kunsill Ewropew, tistqarr li l-għaqda Ewropea kien il-fattur li għen biex sfumat it-theddida li kienet ġejja minn naħa tal-President Amerikan.
Meta indirizzat lill-ġurnalisti flimkien ma’ Antonio Costa, Von der Leyen spjegat li l-pożizzjoni tal-UE kienet soda, iżda mhux konfrontazzjonali. U dan wassal biex it-theddida li għamel Trump li jimponi tariffi fuq l-Ewropa, sfumat fix-xejn.
Fl-istess waqt, il-pajjiżi Ewropej baqgħu jiddefendu s-sovranità ta’ Greenland, li huwa territorju semi-awtonomu li jaqa’ taħt id-Danimarka. “Konna magħqudin”, iddikjarat il-President tal-Kummissjoni fi tmiem dan il-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ l-Ħamis filgħaxija.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola minn naħa tagħha insistiet li l-Unjoni trid tibqa’ tibni pontijiet mal-Istati Uniti; għaliex rabta li tkun b’saħħitha u ġusta – ibbażata fuq ir-rispett u d-djalogu – tkun fl-interess ta’ kulħadd.
Intant, sa issa għadu mhux ċar x’pożizzjoni ħa l-Prim Ministru Robert Abela f’dan is-summit ta’ emerġenza.
//= $special ?>

