Lokali

L-Għawdxin jispjegaw is-sitwazzjoni devastanti biex jaqsmu lejn Malta u lura

Mill-arkivji

“Nitlaq mid-dar fil-5 ta’ filgħodu, u nasal lura fil-11 ta’ billejl. Ma hemmx aktar skużi ta’ maltemp jew long weekends, is-sistema mhux tajba”.

Kienu dawn il-kummenti ta’ bosta Għawdxin li qed jitkellmu fuq il-midja soċjali wara s-sitwazzjoni ddisprata li jinsabu fiha.

Fejn joħorġu mid-dar fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu u jaslu lura tard billejl, tant li ġieli jagħmlu inqas minn 6 sigħat fid-dar tagħhom f’Għawdex.

Għawdxija spjegat illi Għawdex jaffaċċja sfidi uniċi minħabba l-iżolament ġeografikku tiegħu. U kien propju għalhekk li appellat sabiex ikun hemm politika ġusta.

Fost ir-rakomandazzjonijiet tagħha kienu li dawk li jaħdmu f’postijiet li jippermetti xogħol remot, isir remot bħalma kienu fi żmien il-COVID. L-istudenti Għawdxin, jistgħu jibqgħu fil-kampus ta’ Għawdex sabiex jevitaw li jivvjaġġaw.

Hija anke staqsiet il-Gvern hux qed jikkunsidra trasport pubbliku effiċjenti li hu adekwat għall-Għawdxin. Dan b’sistema ta’ tal-Linja card li tkun magħmula biss għall-Għawdxin u li titlaq miċ-Ċirkewwa u ma tieqaf imkien ħlief l-Imsida u l-Ħamrun.

Madanakollu, hija anke spjegat li għandu jkun hemm sistema ta’ priority boarding għall-Għawdxin li jkunu sejrin jew jirritornaw mix-xogħol.

Hija anke appellat sabiex il-Gozo Channel joħroġ stqarrija ġurnata qabel meta s-servizz jkun se jkun sospiż – dan sabiex l-Għawdxin ma jinqabdux Malta.

Persuna oħra saħanistra spjegat li l-ħin total li tqatta’ x-xogħol u li tagħmel issuq minn Għawdex u anke sa Għawdex, tieħu mad-19-il siegħa u għaldaqstant setgħet anke marret Dubai.

Iżda minflok Dubai, flimkien ma’ numru ta’ Għawdxin qattgħet mal-4 sigħat fil-kju sabiex taqsam lejn Għawdex – vjaġġ li għandu jieħu 25 minuta.

Intant, il-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwar din il-problema li qed jaffaċċjaw l-Għawdxin għal dawn l-aħħar snin, dan filwaqt li fi 13-il sena il-Gvern Laburista ma nvesta fl-ebda flotta ġdida – għajr in-Nikolaus li huwa second hand, tas-second hand.