Lokali

“L-Iskalin għandhom id-dritt għal promenade sikura tul il-bajja kollha”

Marsaskala Residents Network (MRN) jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk kollha li ġew milquta miċ-ċiklun Harry. Madankollu, ma jistax ma jikkummentax dwar diversi reazzjonijiet u suġġerimenti li qed isiru bħalissa rigward l-impatt tiegħu f’Marsaskala u dwar x’jista’ jsir sabiex dak li seħħ nhar it-Tlieta 20 ta’ Jannar ma jerġax jirrepeti ruħu.

Bħalissa, il-midja soċjali hija mimlija b’ideat u suġġerimenti dwar kif sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu evitati fil-futur. MRN temmen li soluzzjonijiet mgħaġġlin, imxerrda minn influencers jew persuni li mhumiex esperti fil-qasam, jistgħu jwasslu għal aktar ħsara milli ġid. Il-protezzjoni tal-kosta hija dixxiplina speċjalizzata li għandha titwettaq prinċipalment minn inġiniera kostali, b’appoġġ mix-xjenzi ġeoloġiċi, oċeanografiċi u, sa ċertu punt, anke dawk soċjali.

MRN hija tal-fehma li, biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u effettivi fit-tul, hemm bżonn l-ewwel nett li nirrikonoxxu li qed nitkellmu dwar fenomenu naturali li mistenni jiżdied kemm fil-frekwenza kif ukoll fl-intensità tiegħu minħabba t-tibdil fil-klima. Huwa irresponsabbli li wieħed jagħti x’jifhem li miżura waħda, meħuda mingħajr studju xjentifiku serju, tista’ ssolvi problema ta’ din il-portata. Dan joħloq sens falz ta’ sigurtà meta fil-verità qed niffaċċjaw forzi naturali qawwija. Ta’ min ifakkar li dan iċ-ċiklun ma kellux impatti koroh f’Malta biss, iżda kkawża ħsarat sinifikanti wkoll f’pajjiżi oħra fosthom fl-Italja.

Ma jistax jiġi injorat ukoll il-fatt li l-livell tal-baħar huwa mistenni jogħla fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant, kwalunkwe miżura li tittieħed għandha tqis ukoll dan ir-realtà. MRN jinsisti li interventi fil-kosta u l-bajja għandhom isiru biss fil-kuntest ta’ viżjoni fit-tul, ippjanar serju u integrat, investiment adegwat u rispett sħiħ lejn l-ambjent. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet m’għandhomx ikunu influwenzati minn interessi politiċi parrokkjali jew personali, u l-kosta u l-bajja m’għandhomx jingħataw lill-privat, peress li dan jista’ jxekkel interventi essenzjali fl-interess pubbliku u ambjentali.

MRN ilha tisħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ trasparenza fir-rigward tal-pjanti tal-proġett tar-riġenerazzjoni ta’ Marsaskala u l-mod kif qed jitwettqu x-xogħlijiet. Kif il-maltempata kaxkret il-pjanci bil-banners li kienu qed jippromwovu l-proġett tul Triq ix-Xatt, deher b’mod ċar li ċ-ċint li s-soltu jpoġġu fuqu n-nies mhux qiegħed hemm. In-nuqqas tiegħu waqt il-maltempata seta’ kkontribwixxa sabiex il-baħar baqa’ dieħel direttament fuq il-pjanċi bil-banners, bil-konsegwenza li dawn spiċċaw jaħbtu mal-faċċati tal-ħwienet. Il-blokki tal-konkos li tpoġġew il-Ħamis fuq in-naħa tal-promenade fejn iċ-ċint għadu mhux lest kienu miżura li ttieħdet tard wisq.

Ma jistax jonqos ukoll li wieħed jinnota l-ħsara li saret fiz-zona ta’ Żonqor. Minbarra l-qawwa tal-baħar, saret ħsara konsiderevoli lill-faċċati ta’ xi residenzi minn biċċiet ta’ ħadid u ġebel li nqalgħu mill-promenade stess. Qabel il-maltempata, kienu bosta dawk li staqsew għaliex din in-naħa ta’ Marsaskala ma ġietx inkluża fil-proġett tar-riġenerazzjoni tal-promenade, minkejja li kienet fi stat ħażin ħafna.

Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni serja dwar jekk hux aċċettabbli li l-ħwienet jimlew il-bankini b’għamara u oġġetti oħra li jħalluhom hemm matul il-lejl, minkejja li dan imur kontra l-istandards tal-istabbilimenti tal-catering. Dawn l-oġġetti spiċċaw inġarru u kkawżaw aktar periklu waqt il-maltemp.

Dak li seħħ nhar it-Tlieta għandu jkun sinjal ċar li hemm bżonn evalwazzjoni serja u komprensiva ta’ x’għandu jingħata prijorità għall-ġid tar-residenti ta’ Marsaskala. L-Iskalin għandhom id-dritt għal promenade sikura tul il-bajja kollha. Huwa wkoll essenzjali li jiġi restawrat il-Magħluq, li jekk jiġi rranġat b’mod xieraq jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-effetti tal-maltempati. Barra minn hekk, irridu nħarsu l-bajja mit-tniġġiż sabiex l-alka terġa’ tieħu s-saħħa u titwal, peress li din għandha rwol naturali importanti fit-tnaqqis tal-qawwa tal-mewġ.

Miżuri bbażati fuq is-soluzzjonijiet tan-natura, flimkien ma’ ppjanar xjentifiku u responsabbli, huma indispensabbli jekk irridu verament nimmitigaw l-effetti tat-tibdil fil-klima u nipproteġu lill-komunità ta’ Marsaskala b’mod sostenibbli u fit-tul.