Il-maltempati miċ-Ċiklun Harry li assedjaw lil Malta, l-Italja u pajjiżi oħra fin-Nofsinar tal-Mediterran ikkaġunaw minimu ta’ biljun ewro fi ħsarat fir-reġjun ta’ Sqallija biss.
Intant, din iċ-ċifra, għall-Isqallin, għandha togħla fil-ġranet li ġejjin waqt li huma qed jikkalkulaw il-konsegwenzi tal-maltemp f’terminu ta’ spejjeż u flus mitlufa.
Il-Gvernatur ta’ Sqallija, Renato Schifani, issa kkonferma li l-infrastruttura tar-reġjun – fosthom it-toroq, l-istabbilimenti kummerċjali, il-lukandi u l-bars – ġarrbu impatt terribbli mill-elementi tal-maltemp…Dan meta d-danni involuti, kollettivament, għandhom ikunu ogħla sew mis-742 miljun ewro li huma kalkulati għalissa.
Sadanittant, l-ispiża ġenerali ta’ aktar minn biljun ewro, dejjem skont l-istima inizjali, hi dovuta wkoll għat-telf ta’ flus għall-bdiewa, is-sajjieda u negozji oħrajn fi Sqallija.
L-Eżekuttiv ta’ Schifani, waqt laqgħa għall-assemblea reġjonali, iddikjara stat ta’ emerġenza għal Sqallija. Intant, kienet approvata allokazzjoni inizjali ta’ 70 miljun ewro li, ftit jew wisq, jindirizzaw il-konsegwenzi tal-aktar maltemp qalil li qatt laqat lir-reġjun għal għexieren ta’ snin.
Dan meta l-irwiefen, il-ħalbiet tax-xita bla tmiem u l-inċidenzi tal-għargħar inħassu l-aktar madwar Sqallija, Sardinja u Kalabrija.
Fil-fatt, id-Dipartiment Taljan għall-Protezzjoni Ċivili qal li l-mewġ tal-baħar li assedja l-artijiet mal-kosta ta’ Kalabrija kienu għoljin mal-għaxar metri…Sitwazzjoni fejn massa ta’ ilma għolja daqs bini ta’ erba’ sulari baqgħet tolqot b’impatt terribbli lill-artijiet tal-kosta għal sigħat konsekuttivi.
Il-veloċità tal-irwiefen ta’ ftit jiem ilu fi Sqallija, sadanittant, kienu kalkulati mal-110 kilometru fis-siegħa u meta fost l-agħar zoni affettwali kienu dawk f’Catanzaro u Reggio Calabria.
Sadanittant, l-irwiefen u l-għargħar qerdu kompletament numru ta’ waterfronts u stabbilimenti maġenb il-baħar, b’numru ta’ djar fi Sqallija jikkrollaw u bil-ħwienet jispiċċaw mgħarrqin taħt metru u nofs ta’ ilma.
Il-Gvernatur ta’ Sardinja, Alessandra Todde, ukoll qalet, sadanittant, li l-ħsarat mill-maltemp fir-reġjun tagħha jammontaw għall-‘mijiet tal-miljuni tal-ewro’.
Min-naħa tagħhom, ix-xjenzati qalu li l-kriżi tal-klima kaġunata mill-emissjonijiet tal-gassijiet greenhouse qed iżidu x-xejriet estremi tat-temp — fosthom il-mewġ tas-sħana, perjodi ta’ nixfa, għargħar u sitwazzjonijiet magħrufin bħala ‘super-maltempati’… Xejriet tat-temp li, minn sena għal sena, qed isiru aktar frewkenti u intensivi.
//= $special ?>

