Il-futur tad-Donbas – ir-reġjun importanti lejn il-lvant tal-Ukrajna – għandu jħoll u jorbot għall-paċi wara kważi erba’ snin ta’ gwerra qalila bejn il-qawwiet Ukreni u l-Armata tal-President Russu, Vladimir Putin.
Fil-fatt, id-Donbas – magħmul mit-territorji ta’ Donetsk u Luhansk – qed ukun diskuss bir-reqqa waqt taħditiet li bdew fl-aħħar sigħat fl-Emirati Għarab bejn id-delegazzjonijiet tal-Ukrajna, ir-Russja u l-Istati Uniti.
Din il-laqgħa hi l-ewwel waħda bir-rappreżentanza ta’ dawn it-tlett pajjiżi mindu l-Armati ta’ Putin daħlu fl-Ukrajna lejn l-aħħar jiem ta’ Frar tal-2022.
Il-Kremlin, fil-fatt, ikkonferma li l-uffiċjali tiegħu kienu se jkunu preżenti għat-taħditiet wara laqgħa, f’Moska, bejn Putin u r-rappreżentanti Amerikani li kienu jinkludu lid-delegat speċjali, Steve Witkoff.
U waqt li r-Russja qed tfisser it-taħditiet mal-Amerikani bħala ‘utli’, qed tagħmilha ċara wkoll li ftehim għall-paċi mal-Ukrajna għat-tul taż-żmien ma jistax jintlaħaq mingħajr il-konferma ċara ta’ konċessjonijiet territorjali min-naħa tal-Ukreni.
Fl-istess ħin, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, indika ftit tal-ottimiżmu meta rrefera għat-taħditiet ta’ Abu Dhabi bħala ‘pass li, wieħed jittama, kapaċi jwassal għall-paċi’.
Iżda, għalissa, ftit hemm dubju li l-qawwiet Russi se jkomplu bil-gwerra huma u jippruvaw jaħtfu aktar artijiet fid-Donbas – b’Moska tinsisti li l-azzjonijiet militari (fl-Ukrajna) mhumiex se jieqfu qabel jintlaħqu t-tragwardi tal-kampanja li r-Russi jfissruha bħala ‘Operazzjoni Militari Speċjali’.
Il-messaġġ deher anki jistona ma’ messaġġ ieħor minn Moska fis-sens li ‘Vladimir Putin jinsab interessat f’soluzzjoni diplomatika għal-issues ‘Ukrajna’….Messaġġ li ħafna osservaturi qed jinterpretawha f’diversi modi.
‘Garanziji ta’ sigurtà’
Sadanittant, mhux eskluż li r-Russja, ‘il quddiem, kapaċi tippermetti biex l-Istati Uniti u l-Ewropa jagħtu l-garanziji tas-sigurtà sodi lill-Ukrajna bħala parti minn ftehim għall-paċi potenzjali.
Iżda r-Russja għandha tinsisti biex, akkost ta’ kollox, tieħu l-kontroll ‘mija-fil-mija’ tar-reġjun tad-Donbas – bis-sorsi diplomatiċi fl-Ewropa jiddubitaw kemm pass ta’ dan it-tip jista’ jissodisfa għal kollox lil Putin… Fil-fatt, hemm il-biża’ li r-Russja, anki wara ftehim, kapaċi, ‘il quddiem, tirrikorri mill-ġdid għall-aggressjoni militari biex tirrealizza aktar ambizzjonijiet territorjali – u għall-iskaptu tal-Istati ġirien li jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar laqgħa li kellu ma’ Donald Trump f’Davos, il-President Zelensky għamilha ċara li l-istatus tat-territorju fil-lvant tal-Ukrajna ma jistax ikompli bħala ‘issue mhix solvuta’.
Hu saħaq li r-Russi wkoll iridu jkunu lesti għall-kompromessi u mhux biss l-Ukreni – b’Zelensky anki jinsab lest għal ‘kwalunkwe riżultat’ wara l-konklużjoni tat-taħditiet f’Abu Dhabi.
Ir-Russja, min-naħa tagħha, qed issostni li l-Ukrajna trid ‘bilfors’ iċċedi l-25 fil-mija tal-art li għadha qed tikkontrolla fir-reġjun ta’ Donetsk….Insistenza li diffiċli li tinbidel min-naħa ta’ Moska matul il-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>

