Lokali

Laqgħa f’Tas-Sliema bi tħejjija għall-Kunsill Ġenerali

Ritratt: Martin Agius

Żvilupp li jibni l-komunitajiet, mhux jeqridhom. Kienet din il-mozzjoni diskussa waqt il-laqgħa li saret mill-Partit Nazzjonalista għat-Tielet Reġjun, f’Tas-Sliema.

Il-mozzjoni diskussa, l-Ħamis filgħaxija u li se tkun qed titressaq quddiem il-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd li ġej, titkellem dwar kif il-komunitajiet huma l-pedament tas-soċjeta Maltija, u ta’ nazzjon li huwa b’saħħtu.

Waqt il-laqgħa li saret u li tmexxiet mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut u li ntemmet b’diskors tal-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, il-mozzjoni diskussa kienet dwar kif l-iżvilupp ekonomiku, urban u infrastrutturali għandu jsir b’mod li jsaħħaħ il-ħajja komunitarja, jirrispetta l-karattru tal-lokalitajiet u anke jżomm il-bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-lum u d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-mozzjoni se tkun qed tispjega lill-Kunsill Ġenerali li l-politika trid tkun imfassla biex is-servizzi, ix-xogħol u l-ispazji pubbliċi jaqdu lin-nies fejn jgħixu.

Għalhekk, titlob infurzar ġust u konsistenti tar-regoli, ippjanar li jirrispetta n-nies u l-ambjent tagħhom, u servizzi pubbliċi li jlaħħqu mar-realtà tad-domanda.

Fil-laqgħa kienu parteċipi l-kunsilieri u d-deputati tat-8, 9 u l-10 distrett.