L-imprenditur Għawdxi u President ta’ Ħamrun Spartans, Joseph Portelli jinsab f’diskussjonijiet mas-sidien ta’ ASD Nocerina Calcio bl-għan li jixtri lill-klabb Taljan li jilgħab fis-Serie D.
Din l-istorja kienet żvelata dalgħodu minn The Times, jiem wara li fil-midja Taljana ħarġet l-aħbar li Portelli għamel offerta ta’ €1.3 miljun sabiex jixtri lill-klabb ta’ Siena fl-Italja. Madankollu din l-offerta kienet irrifjutata mil-klabb, bl-istess rapport saħqu li l-klabb mill-Belt ta’ Toskana, ma ta ebda lok lil Portelli, u lill-kumpanija tiegħu li għamlet l-offerta, tkompli tinnegozja.
Ix-xewqa ta’ Portelli li jixtri klabb tal-futbol fl-Italja, ilha fil-mira tiegħu tant li kemm-il darba tkellem fil-midja dwar din il-ħolma. Saħansitra, fl-2022 kien hemm l-ewwel rapport fil-midja Taljana, li żvelaw kif Portelli kien f’negozjati mas-sidien ta’ Lucchese, klabb Taljan mill-belt ta’ Lucca li tinsab ukoll f’Toskana.
Jidher li wara li Portelli rnexxilu jilħaq tragward storiku fil-futbol Malti, li ebda President ieħor ta’ klabb Malti qatt ma kien irnexxilu jilħaq, ċioé li jmexxi klabb sal-istadju ta’ Kampjonat ta’ waħda mill-kompetizzjonijiet tal-UEFA, issa l-prijoritá tiegħu hi li jsir propjetarju ta’ klabb fl-Italja. Sal-lum dawn in-negozjati ma kenux faċli, tant li f’Diċembru li għadda Portelli kien esprima interess kbir li jakkwista lill-klabb tas-Serie B fl-Italja, Sampdoria, iżda s-sidien tal-klabb kien ċaħad li kienu f’diskussjonijiet ma’ Portelli.
Net News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Grupp JP Portelli, Marcel Bonnici (li hu wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Ħamrun Spartans), li kkonferma l-interess ta’ Portelli f’isem il-kumpanija kummerċjali, li jakkwista l-klabb ta’ Nocerina.
Dawn tal-aħħar twaqfu fl-1910 u kumbinazzjoni għandhom l-istess kuluri bħal ta’ Ħamrun Spartans. F’kummenti lil Net News, Bonnici qal li aktar tard illum, l-ogħla uffiċjali ta’ Nocerina, immexxija mill-President tal-klabb, Raffaele Stella se jkunu qed jiltaqgħu ma’ Portelli għal dik li se tkun it-tieni laqgħa bejniethom bħala parti minn negozjati sabiex jintlaħaq qbil għall-bejgħ u x-xiri ta’ dan il-klabb mill-imprenditur Għawdxi.
Hu mifhum li t-Taljan Stella, jinsab f’pajjiżna u se jkun qed jiltaqa’ ma’ Portelli u Bonnici, wara li ż-żewġ partijiet iltaqgħu għall-ewwel darba ġimagħtejn ilu f’Nocera Superiore; lokalitá li tinsab 35 km fil-lvant–xlokk ta’ Napli.
Meta mistoqsi minn Net News dwar jekk id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ partijiet jinsabux fi stadju avvanzat, Bonnici qal li n-negozjati għadhom fi stadju bikri iżda hemm l-interess u x-xewqa li jintlaħaq qbil biex il-kumpanija ta’ Portelli, tixtri lill-klabb tas-Serie D fl-Italja, Nocerina Calcio.
//= $special ?>

