Lokali

“Meta tkun f’ħofra, ieqaf ħaffer” – Il-Partit Nazzjonalista

L-ARMS tippersisti bil-gideb – waqt li għadha qed tirċievi l-ilmenti fuq il-kontijiet, tibqa’ tgħid li s-sistema qed taħdem kif suppost; tirrifjuta li tgħid eżatt kemm huma l-konsumaturi li ġew effettwati

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut u Graziella Galea, il-Partit Nazzjonalista spjega li propju wara li l-Partit Nazzjonalista kixef kif it-taħwid fil-kontijiet tal-ARMS inizjalment effettwa mal-50,000 kont, u wara li ħafna konsumaturi kkonermaw dak li kixef il-PN, l-ARMS qed tkompli tipprova tgiddeb il-fatti magħrufa b’aktar stqarrijiet qarrieqa.

Fl-istess waqt li qed tirċievi eluf ta’ lmenti minn konsumaturi affettwati, u waqt li qed ikollha tirranġa bosta kontijiet, l-ARMS qed tibqa’ tigdeb u tgħid li s-sistema qed taħdem sew.

L-aħħar stqarrija tal-ARMS iffirmata mis-COO Nikita Zammit Alamango reġgħet gidbet lill-konsumaturi u ppruvat timminimizza l-problema kbira li nħolqot billi qalet li l-problema effettwat biss dak li issa qed issejjaħlu “persentaġġ żgħir”. Imma filwaqt li tmeri ċ-ċifri li joħorġu minn emails interni tal-ARMS stess, Zammit Alamango qed tibqa’ tirrifjuta li tgħidilna eżatt kemm fil-fatt kienu effettwati kontijiet.

Ħadd m’għadu jemmen il-gideb taċ-Chief Operations Officer tal-ARMS, li issa kkonfermat iswed fuq l-abjad li ilha taf b’din il-problema tal-inqas sena u ħbietha lill-konsumaturi.

Nikita Zammit Alamango, li hi l-President tal-fergħa Nisa Laburisti u li ffirmat din l-istqarrija, qalet li l-ARMS ma tidħolx f’diskors partiġjan filwaqt li fl-istqarrija attakkat lix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista meta taf li qed jgħidu l-verita.

Zammit Alamango qalet li hi ma tikkummentax b’mod politiku, meta t-tmexxija tal-ARMS illum aktar tixbah każin tal-Labour milli entità pubblika.

Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista għadu qed jirċievi bosta lmenti dwar kontijiet li ma tnaqqsitilhomx l-Eko-riduzzjoni fl-aħħar sentejn.

Il-fatt li l-Ministru Miriam Dalli ma ħadet l-ebda azzjoni wara dan it-taħwid kollu fl-ARMS jagħmilha kompliċi ma’ Nikita Zammit Alamango li flimkien ippruvaw jaħbu dan kollu mill-konsumaturi.

Huwa tal-mistħija kif it-tmexxija tal-ARMS u l-Partit Laburista, li llum huma ħaġa waħda, għadhom jigdbu sfaċċatament lill-konsumaturi. Kull stqarrija li toħroġ min-naħa tal-ARMS jew tal-Gvern biex tipprova tgiddeb dak li ġara sservi biss biex tikkonferma li dak li qal il-Partit Nazzjonalista huwa minnu.

Il-fiduċja tal-pubbliku fit-tmexxija tal-ARMS intilfet għalkollox, u l-ebda audit mhu se jbiddel il-fatt li dawn gidbu lill-konsumaturi. Il-pożizzjoni tagħhom m’għadhiex aktar tenibbli, u kemm idumu hemm huma l-konsumatur ma jista’ jafda qatt iżjed l-ebda kont li jirċievi mill-ARMS u l-ebda stqarrija li toħroġ.

Meta tkun f’ħofra, ieqaf ħaffer.