Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell imressaq minn Maria Attard kontra d-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Arbitru li biha kienet ġiet miċħuda t-talba tagħha għall-pensjoni kontributorja. Madankollu, il-Qorti rrakkomandat li Attard tingħata l-opportunità tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali neqsin sabiex tkun tista’ tikkwalifika għall-pensjoni.
Il-każ oriġina minn deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali tal-10 ta’ Mejju 2023, li biha Maria Attard ġiet infurmata li ma kinitx intitolata għall-pensjoni kontributorja minħabba li l-medja annwali tal-kontribuzzjonijiet imħallsa jew akkreditati lilha kienet inqas minn 20 fis-sena, kif jitlob l-artikolu 17(5) tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318).
Attard appellat quddiem l-Arbitru, fejn sostniet li qabel laħqet l-età tal-pensjoni kienet ivverifikat diversi drabi mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jekk kinitx se tkun intitolata għall-pensjoni u li, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Settembru 2021, kienet ġiet infurmata li setgħet tirtira fl-età ta’ 64 sena u kienet indikata wkoll ir-rata tal-pensjoni li kellha tirċievi.
L-Arbitru rrikonoxxa li l-ittra setgħet żgwiditha b’mod serju u ddeskriva l-każ bħala wieħed sfortunat, iżda kkonkluda li kien marbut japplika l-liġi b’mod strett u għalhekk ikkonferma r-rifjut tal-pensjoni. Fl-appell quddiem il-Qorti tal-Appell, Maria Attard sostniet li ladarba kellha konferma bil-miktub mid-Dipartiment, hija kellha aspettattiva leġittima li tkun intitolata għall-pensjoni meta tagħlaq l-età ta’ 64 sena, u li kieku ġiet infurmata mod ieħor kienet tħallas il-kontribuzzjonijiet neqsin.
Talbet lill-Qorti jew tiddikjara li hija għandha dritt għall-pensjoni, jew inkella tagħti provvedimenti biex tkun tista’ tikkwalifika għaliha. Id-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali wieġeb li l-ittra tas-6 ta’ Settembru 2021 kienet stima biss, akkumpanjata minn “disclaimer”, u li qatt ma tat garanzija li l-appellanta kienet se tkun intitolata għall-pensjoni kontributorja jekk ma tilħaqx il-kriterji stabbiliti mil-liġi.
Huwa sostna li l-medja tal-kontribuzzjonijiet tal-appellanta kienet ta’ madwar 17.5 fis-sena, ferm inqas minn dak meħtieġ bil-liġi, u li l-ħlas b’lura tal-kontribuzzjonijiet huwa miżura diskrezzjonali u mhux obbligatorja.
Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, qablet mal-konklużjonijiet tal-Arbitru u nnutat li, minkejja li l-ittra setgħet ma kinitx redatta bl-aħjar mod u setgħet ħolqot konfużjoni, hija kienet tinkludi b’mod ċar li l-intitolament għall-pensjoni kien jiddependi fuq il-medja tal-kontribuzzjonijiet imħallsa. Il-Qorti osservat ukoll li l-appellanta rtirat qabel għalqet l-età ta’ 64 sena u ma komplietx tħallas kontribuzzjonijiet sabiex tilħaq il-minimu meħtieġ.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Arbitru fl-intier tagħha. Madanakollu, filwaqt li saħqet li ma setgħetx tordna lid-Direttur Ġenerali juża d-diskrezzjoni tiegħu, irrakkomandat li l-appellanta tingħata l-opportunità tħallas il-kontribuzzjonijiet neqsin biex tkun tista’ tikkwalifika għall-pensjoni kontributorja.
L-ispejjeż tal-appell tqiegħdu a karigu tal-appellanta.
//= $special ?>

