Joe M. Zahra
Dan hu Gvern li jgħid li ma jagħmilx taxxi. Nemmen li m’għandux għalfejn jagħmel it-taxxi għaliex meta jkollok pereżempju l-income tax u l-Gvern jonqos li jgħolli s-ceiling għal 10 snin u iktar, awtomatikament ikun qed jintaxxak iktar. L-istess jiġri mit-taxxa tal-VAT. Iktar ma jogħlew il-prezzijiet minn barra, iktar ma’ jogħlew il-prezzijiet lokali, iktar ma jogħlew is-servizzi iktar idaħħal flus il-Gvern.
Imbagħad hemm taxxi bħal dawk li semmejt fl-introduzzjoni. Taxxi li l-Gvern jipprova jaħbi biss ma jirnexxilux. Kollox imbagħad jipponta għal ħajja dejjem ogħla. S’issa għal sena wara l-oħra ma kellna ebda xahar fejn ir-rata tal-inflazzjoni naqset. Dan ifisser li l-ħajja ma torħos qatt. Togħla dejjem! U dan l-għoli nħallsuh aħna, is-sempliċi ċittadini Maltin u Għawdxin.
Is-sistema ta’ skambju ta’ emissjonijiet
Minn żmien għal żmien nisimgħu wkoll b’miżuri minn barra li jkomplu jgħollu l-ħajja. Mill-1 ta’ Jannar daħlet fis-seħħ is-sistema ta’ skambju ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea fit-totalità tagħha. Mhux iktar 70 fil-mija iżda 100 fil-mija. L-Association of Tractor and Trailor Operators tenniet li din il-miżura ser tiswielhom €16.5 miljun iktar fis-sena u li ser tolqotna b’mod sproporzjonat għaliex aħna gżira.
Il-fatt li aħna gżira biex merkanzija tasal f’pajjiżna trid tinġarr bil-baħar. Hekk iktar ma jogħlew l-ispejjeż bħat-tariffi tat-trasport, is-sistema tal-Unjoni Ewropea dwar skambju ta’ emissjonijiet iktar togħla l-ħajja. Il-fatt li aħna gżira l-ħajja togħla iktar.
Id-dipendenza tagħna fuq il-baħar jista’ jkollu riperkussjonijiet iktar serji minbarra ż-żieda fil-prezzijiet. Riperkussjonijiet li diġà sofrejnihom fi żmien il-kriżi tal-Covid-19 u li reġgħu għollew rashom riċentament waqt maltemp li ħakem l-ibħra madwarna. Żewġ kumpaniji barranin li għandhom supermarkets kbar f’pajjiżna u li jiddependu għall-prodotti friski tagħhom bħal ħaxix u frott, laħam taċ-ċanga, majjal u tiġieġ mill-Italja spiċċaw bl-ixkafef vojta għaliex il-vapur li jwasslilhom il-merkanzija ma ħadimx.
Ġrajjiet bħal dawn għandhom jiftħu għajnejn il-Gvern dwar x’jiġri jekk pajjiżna jinqata’ mit-terraferma tal-Ewropa mhux biss f’każ ta’ maltemp fit-tul iżda xi kriżi li twassal biex ma jkunx jista’ jinġieb xejn lejn Malta. Dan juri kemm hu importanti li l-ftit raba li għandna tinħadem biex terġa’ tipproduċi.
Ma ninsewx li fl-aħħar gwerra dinjija konna ser nispiċċaw immutu bil-ġuħ għaliex pajjiżna kien imblukkat milli jimporta. Dak iż-żmien kellna inqas minn nofs il-popolazzjoni tal-lum u kien hemm ħafna iktar raba’ maħduma. Aħseb u ara x’jiġri li kieku kellna nintlaqtu b’xi kriżi llum!
L-għoli tal-ħalib
F’dawn il-jiem tħabbru żidiet fil-prezzijiet tal-ħalib, bil-Malta Dairy Products tistqarr li l-aġġustamenti jirriflettu biss dak meħtieġ biex tiġi mħarsa l-kwalità u s-sostenibbiltà fit-tul. Żidiet li l-kumpannija qalet li huma riżultat tal-prezz tal-ikel tal-annimali, il-materjal għall-ippakkjar u l-proċessar li huma għoljin u l-ispejjeż tat-trasport li qed ikomplu jikbru. Dan flimkien ma’ investiment kontinwu li mingħajru tbati l-loġistika tal-katina tal-kesħa biex tkun żgurata il-freskezza u l-kontinwità konsegwenti.
Bħal f’kull prodott ieħor darba jogħla l-ħalib jogħlew miegħu prodotti li joħorġu mill-ħalib. Anke jekk bi ftit. Bħal dejjem kull żieda tgħaddi għand il-konsumatur. Għalhekk żidiet fit-tariffi, żidiet bħala riżultat tas-sistema ta’ skambju ta’ emissjonijiet, żieda fil-prezz tal-ħalib u żidiet oħra li ma nkunux nafu bihom għajr meta l-prodott li nixtru jkun ogħla, ser ikomplu jgħollu l-ħajja u l-inflazzjoni.
Kif għedt iktar ’il fuq il-ħajja ma torħos qatt. Dejjem togħla ftit jew ħafna iktar. Is-sena li għaddiet bdejna bi ftit ottimiżmu li l-inflazzjoni ser tinżel. Iżda spiċċajna s-sena b’rata tal-inflazzjoni ogħla minn dik li kienet fl-2024.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 23 ta’ Jannar , 2026.
//= $special ?>

