“Il-Prim Imħallef irid ikun bniedem li m’għandux ikollu familjaritajiet ‘l hemm u ‘l hawn, imma għandu jkun imparzjali”.
Dan kien il-kliem preċiż li lissnet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono meta tkellmet dwar il-ħatriet kostituzjonali tal-Prim Imħallef u l-Awditur Ġenerali ta’ pajjiżna, hekk kif il-Ħamis kienet intervistata fuq ix-Xandir Nazzjonali.
Fl-intervistà li saritilha fil-programm Xtra, il-President Spiteri Debono spjegat li Prim Imħallef għandu jkun uman u għandu jkollu l-kapċità li jiżra’ fil-poplu l-fiduċja fil-ġustizzja f’pajjiżna.
Il-President tenniet ukoll li għaddejja ħidma sabiex ikun hemm aktar skrutinju fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Dan għaliex il-poplu jinteressah. U għalhekk għandu jkollna qaddej tal-poplu f’din il-kariga, għaliex huwa estenzjoni ta’ dak li jemmen.
Il-President tkellmet ukoll dwar il-ħatra tal-Awditur Ġenerali; kariga li sejħitilha l-iskrutinju tal-Gvern. Fejn spjegat id-diffikultà li għandha sabiex tifhem, kif l-Awditur Ġenerali u d-deputat tiegħu, jinħatru flimkien biex jintemmu flimkien – proċedura li tista’ toħloq vojt f’kariga tant importanti.
Intant, il-President ta’ Malta appellat sabiex il-Parlament jilħaq ftehim dwar dawn it-tliet karigi tal-Prim Imħallef, l-Awditur Ġenerali u d-Deputat Awditur Ġenerali sabiex il-poplu ikattar il-fiduċja tiegħu fil-politiċi u jemmen li l-politiċi, meta jaħdmu flimkien, jistgħu jwasslu għal pajjiż aħjar.


