Din il-ġimgħa tnieda r-Reġistru tal-Prezzijiet tal-Proprjetà, bil-għan li joffri stampa aktar ċara ta’ x’qed jiġri fis-suq lokali, b’mod partikolari għal dawk li qed ifittxu li jixtru proprjetà għall-ewwel darba.
Ir-Reġistru tnieda fuq inizjattiva ta’ Property Malta. Preżenti għat-tnedija kien hemm fost l-oħrajn ix-Shadow Minister Stanley Zammit.
Ir-Reġistru tal-Prezzijiet tal-Proprjetà huwa bbażat fuq kuntratti reġistrati, u jkopri informazzjoni li tibda mis-sena 2018.
Din il-pjattaforma tipprovdi għodod avvanzati, dashboards interattivi u mapep, li jippermettu valutazzjonijiet aktar preċiżi u deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza – kemm minn professjonisti kif ukoll miċ-ċittadini. Il-pjattaforma issawret mid-ditta PwC.
Iċ-Chairperson ta’ Property Malta, Sandro Chetcuti, spjega li dan il-proġett ilu għaddej sentejn. U qal li ħafna drabi n-nies jitfixklu meta jiġu biex jevalwaw proprjetà, speċjalment meta l-prezzijiet ikunu biss dawk reklamati.
Hu spjega li għalissa, ir-reġistru huwa ffokat fuq proprjetà residenzjali u garaxxijiet domestiċi, bil-ħsieb jkompli jespandi.
//= $special ?>

