Gary Bartolo, ta’ 39 sena mix-Xagħra, ingħata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li seraq minn pompa tal-petrol fix-Xewkija, Għawdex, u għamel diversi reati relatati, inkluż ħsara fi ħwejjeġ ta’ ħaddieħor, li qed isuq mingħajr liċenzja u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, u l-użu ta’ pjanċi foloz.
Il-każ seħħ nhar it-2 ta’ Diċembru, 2025, meta sid il-pompa tal-petrol ċempel lill-Pulizija wara li nnota li xi ħadd daħal fl-uffiċini u seraq il-flus. Investigazzjonijiet urew li l-imputat ipprova jidħol mit-twieqi tal-ġenb u kisser frame tal-injam qabel ma rnexxielu jidħol, u minn kexxun u pouch insterqu €1,000 u vazett mimli muniti.
Filmati tas-sigurtà wrew li s-serqa damet 23 minuta. Fl-awla, Bartolo ammetta mal-ewwel l-akkużi u rritorna l-flus u ħallas għall-ħsara li għamel. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, ikkunsidrat li l-akkużat għandu problema serja tad-droga u jeħtieġ l-għajnuna, u għalhekk deċiż li jagħti l-aħħar opportunità lill-akkużat biex jirranġa ħajtu u jegħleb il-vizzju tiegħu.
B’hekk, Bartolo nstab ħati u ngħata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, ordni ta’ trattament għal tliet snin, u tneħħa l-liċenzja tas-sewqan tiegħu għal sena u ġimgħa.
//= $special ?>

