Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Ingrid Bianco, sabet lil Dershwin Isidro Daniel, żagħżugħ ta’ 23 sena b’passaport Olandiż, ħati ta’ sensiela ta’ reati ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, u kkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin, flimkien ma’ ordni ta’ trażżin favur il-vittma.
Il-każ kien jirrigwarda avvenimenti li seħħew fil-11 ta’ Jannar 2026, għall-ħabta tas-6.15 ta’ filgħaxija, u wkoll matul xhur u ġranet preċedenti, f’Birkirkara u f’postijiet oħra f’Malta. Skont l-akkużi, l-imputat ikkaġuna lill-eks sieħba tiegħu biża’ li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha jew tal-familjari tagħha, u dan taħt ċirkustanzi aggravanti fosthom li r-reati twettqu kontra eks sieħba, b’mod ripetut u bl-użu jew theddida ta’ arma.
Daniel ġie mixli wkoll li uża forza kontra Lepik u kkawżalha ġrieħi ħfief, kif iċċertifikat minn tabib, kif ukoll li offendiha jew heddidha verbalment. Akkuża oħra kienet tirrigwarda tentattiv li juża forza kontra tagħha fil-25 ta’ Diċembru 2025 bil-ħsieb li joffendi, idejjaq jew iweġġa’.
Matul is-seduta tat-12 ta’ Jannar 2026, Daniel wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Il-Qorti kkonfermat li l-ammissjoni ta’ ħtija saret b’mod volontarju u wara li ġie mwissi bil-konsegwenzi legali, kif titlob il-liġi.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li ma kellhiex raġunijiet validi biex tiddubita l-ħtija tal-imputat u ddikjarat li l-akkużi ġew ippruvati lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Meta ġiet biex tiddetermina l-piena, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija tal-ħtija, il-fatt li Daniel kellu kondotta kriminali nadifa, in-natura tar-reati u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.
Għalkemm ikkundannatu għal sentejn priġunerija, il-Qorti qieset li jeżistu ċ-ċirkustanzi meħtieġa biex tapplika sentenza sospiża skont il-liġi, u għalhekk ordnat li din il-piena tiġi sospiża għal erba’ snin. Il-Qorti spjegat lill-imputat li jekk, matul dan il-perjodu, jikkommetti reat ieħor punibbli bi priġunerija, is-sentenza ta’ sentejn ħabs tidħol fis-seħħ immedjatament.
Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin kontra Daniel favur il-vittma għal perjodu ta’ erba’ snin, bil-kundizzjonijiet dettaljati f’deċiżjoni separata li tifforma parti integrali mis-sentenza. L-imputat ġie mwissi li kull ksur ta’ din l-ordni, mingħajr raġuni valida, jikkostitwixxi reat ieħor li jista’ jwassal għal multa ta’ €7,000, priġunerija sa sentejn, jew it-tnejn flimkien.
//= $special ?>

