Il-kundizzjonijiet tat-temp tal-aħħar jiem urew id-dipendenza ta’ Għawdex fuq mezz ta’ trasport wieħed….li wassal biex il-gżira Għawdxija tkun maqtugħa kompletament mill-bqija tad-dinja.
Sostniet dan il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija illi qed terġa’ tinsisti għal link permanenti li jgħaqqad iż-żewġ gżejjer.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija spjegat l-effetti ta’ dak li seħħ din il-ġimgħa. Fejn minħabba li kien hemm persuni li spiċċaw imblukkati fuq gżira jew oħra spiċċaw intilfu titjiriet u appuntamenti – biex b’hekk għal darb’oħra d-diskussjoni tal-permanent link saret importanti aktar minn qatt qabel.
Il-Kamra appellat sabiex dan il-proġett ikun fuq l-aġenda politika tal-pajjiż bħal ma kien hemm imniżżel fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex lura fl-2023.
Il-Kamra insistiet li l-proġett ta’ tiġdid tal-flotta tal-Gozo Channel ma jeskludix il-permanent link; anzi, dawn għandhom jikumplimentaw lil xulxin.
Għalhekk il-Gozo Business Chamber appellat sabiex din id-diskussjoni, li diġà kien sar ħafna xogħol fuqha, terġa’ tingħata prijorità serja u trasparenti.
Filwaqt li l-Kamra faħħret il-ħidma tal-Pulizija, ħaddiema tal-Gozo Channel, tal-protezzjoni ċivili u uffiċjali pubbliċi oħrajn li xorta waħda ħadmu fl-eqqel tal-maltempata…huma saħqu li tali proġett huwa bżonnjuż sabiex l-Għawdxin ma jispiċċawx maqtugħin mill-bqija tad-dinja – bil-għan li jkollna Għawdex aktar reżiljenti.
//= $special ?>
