Il-Partit Laburista inqata’ minn man-nies – huwa maqtugħ mir-realtà. U qed jinħass aktar minn qatt qabel il-bżonn li l-ġid tal-pajjiż jintlaħaq minn kulħadd.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt il-Laqgħa Reġjonali li saret f’Għawdex il-Ġimgħa filgħaxija fejn wiegħed li se jibqa’ man-nies – fil-lokalitajiet – jisma’ l-bżonnijiet tal-familji, inkluż il-ħtiġijiet tal-Għawdxin.
Fil-fatt, waqt din il-laqgħa, hu tkellem dwar l-importanza li jinżamm kuntatt dirett bejn il-Partit Nazzjonalista u ċ-ċittadini Maltin; u spjega wkoll il-ħsieb li wassal biex b’dan il-Kunsill Ġenerali, il-PN se jitrasferrixi ruħu kompletament lejn Għawdex.






Alex Borg ikkundanna wkoll il-kampanja negattiva tal-Gvern u l-fake news li qed ikompli jxerred; fosthom, in-narrattiva qarieqa tal-Partit Laburista dwar kif 9 minn kull 10 żgħażagħ għadhom proprjetà – meta dan mhux minnu.
Fake news oħra hi dwar il-ħafna green spaces li qed isemmi l-Gvern; meta ma hemm l-ebda budget għal dawn is-suppost inizjattivi, u lanqas hemm time-frame.
Hu stqarr illi l-ġid li tant jiftaħar bih il-Gvern ta’ Robert Abela mhux jilħaq lil kulħadd għaliex ħafna nies m’għandhomx saqaf fuq rashom – apparti l-problemi dejjem jiżdiedu, relatati mal-viżji.
Fuq kollox hu tenna l-importanza ta’ pjan u viżjoni fit-tul dwar l-overpopulation u l-edukazzjoni, il-kwalità tal-ħajja u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu.
F’Għawdex, Alex Borg sostna wkoll illi hija inaċettabli li l-Għawdxin ikollhom jistennew ħafna ħin biex jaqsmu bejn Malta u Għawdex minħabba l-problemi fil-konnetività.
Fl-istess laqgħa, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello awgura lill-Kumitat Reġjonali u fakkar kif il-Partit Nazzjonalista iddedika weekend sħiħ għall-Għawdxin.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, Norma Camilleri, Beppe Galea, Luke Said u Frank Anthony Tabone, membri tal-Kumitat Reġjonali, kif ukoll Sindki u Kunsillieri Għawdxin.









