Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saret illum, il-PN kompla japprova aktar kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Tul il-laqgħa tal-lum, li saret f’Għawdex, ġew approvati dawn iż-żewġ kandidati ġodda:
- Julian Borg fuq is-Sitt Distrett Elettorali
- Oliver Cini fuq il-Ħames Distrett Elettorali
Julian Borg huwa perit li jservi bħala s-Sindku Nazzjonalista tas-Siġġiewi. Oliver Cini, minn Ħal Luqa, huwa inġinier li jaħdem fil-qasam tal-enerġija marittima ma’ kumpanija internazzjonali. It-tnejn li huma se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali mal-PN għall-ewwel darba.
Bl-approvazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kandidati ġodda, in-numru ta’ kandidati approvati sa issa biex jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit Nazzjonalista issa jammonta għal 27. Il-proċess biex jiġu identifikati u approvati aktar kandidati għadu għaddej. It-tim ta’ kandidati tal-PN jinkludi wċuħ ġodda, oħrajn li diġà kkontestaw mal-PN f’elezzjonijiet preċedenti, nisa u żgħażagħ kif ukoll numru ta’ kandidati Għawdxin.
Il-laqgħa li matulha ġew approvati dawn iż-żewġ kandidati ġodda saret fis-Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat waranofsinhar. Dan bħala parti minn weekend sħiħ ta’ attivitajiet li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista f’Għawdex fi tmiem din il-ġimgħa.
Fil-fatt, apparti l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, anke l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista llum ukoll iltaqa’ f’Għawdex u ddiskuta diversi temi li kellu fuq l-aġenda f’ambjent differenti minn dak tas-soltu. Filwaqt li lbieraħ f’Ta’ Sannat ukoll tlaqqgħet l-Assemblea Reġjonali tar-Reġjun ta’ Għawdex. Preżenti għal dawn il-laqgħat importanti kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.
L-attivitajiet f’Għawdex jilħqu l-qofol tagħhom għada bil-Kunsill Ġenerali bit-tema Dan hu l-Mument li se jitlaqqa’ fid-9:30am fil-Grand Hotel f’Għajnsielem. Il-Kunsill Ġenerali se jkun indirizzat minn diversi membri tal-Kunsill Ġenerali u matulu se jitressqu wkoll ir-rapporti ta’ ħames Assemblej Reġjonali li tlaqqgħu fil-jiem li għaddew f’Malta u Għawdex. Il-ħames Mozzjonijiet se jitressqu għall-approvazzjoni tal-Kunsillieri tal-PN waqt il-Kunsill Ġenerali.
Wara r-replika għall-interventi tal-Kunsillieri mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, isir id-diskors tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, u l-Kunsill Ġenerali jagħlaq bl-indirizz tal-Kap tal-PN Alex Borg.
Wara l-Kunsill Ġenerali ta’ għada, se tkun qed issir f’Għawdex ukoll l-Ikla tal-Ħbieb – appuntament annwali mistenni mill-Għawdxin u anke minn ħafna Maltin, fil-bidu ta’ kull sena ġdida. Din l-attività soċjali, li għaliha se jattendi wkoll il-Kap tal-PN flimkien mal-uffiċjali tal-Partit, ilha numru ta’ ġimgħat fully-booked. L-Ikla tal-Ħbieb f’Għawdex ilha ssir mill-1972 u dik tal-Ħadd li ġej se tkun il-55 waħda. Tkun organizzata mill-Kumitat Reġjonali tal-PN f’Għawdex.
//= $special ?>

