Lokali

Il-PBS jibqa’ jaħbi kemm qed jitħallas Ricky Caruana

Il-PBS irrifjuta li jippublika l-kuntratt tal-preżentatur u producer Ricky Caruana, bir-raġuni tkun li din hija informazzjoni “kummerċjalment sensittiva”. Dan meta Caruana jitħallas mit-taxxi tan-nies – għaliex il-PBS huwa finanzjat minn fondi pubbliċi.

Din it-talba tal-informazzjoni fil-forma ta’ FOI saret mit-Times of Malta, bil-għan li l-poplu jkun jaf kemm dan qed jitħallas biex jagħmel il-programm tiegħu il-Ġimgħa filgħaxija – eżatt wara l-bulettin ewlieni tal-aħbarijiet ta’ dan l-istazzjon.

B’sorsi mill-qalba tal-PBS jgħidu li d-diriġenti mhux kuntenti wisq bil-prodott li qed jitwassal, għaliex stennew aktar – iżda xorta żammewh jagħmel dan il-programm.

Fl-aħħar jiem Ricky Caruana  flimkien mal-PBS irċievew kritika qawwija għal diversi raġunijiet; fosthom wara li hu stieden lill-eks Kunsillier tal-Partit Laburista Justin Haber, li nstab ħati ta’ abbuż sesswali fuq minoreni. Din l-intervista saret fuq il-pjattaforma personali ta’ Ricky Caruana – li xorta baqa’ jużaha, fl-istess waqt li għandu l-programm fuq TVM.

Fost dawk li waslu pubblikament il-kritika tagħhom lejn l-atteġjament kontroversjali ta’ Ricky Caruana kien hemm, il-Malta Women’s Lobby, l-NCPE u anke l-Partit Nazzjonalista, bl-NCPE saħansitra titlob għar-riżenja tiegħu.