Lokali

“Il-politika tal‑Gvern ta’ one-size-fits-all għall-ġbir tal-iskart mhix taħdem” – PN

Il-ġbir tal-iskart għandu jerġa’ lura f’idejn il-kunsilli lokali

Il-kriżi tal-ġbir tal-iskart u n-nuqqas ta’ tindif fil-pajjiż hija riżultat dirett tad-deċiżjonijiet inkompetenti tal-Gvern Laburista li għażel li jiċċentralizza l-ġbir tal-iskart u jneħħih minn idejn il-kunsilli lokali. Huwa ċar li l-politika ta’ one-size-fits-all għall-ġbir tal-iskart mhix taħdem, u xhieda ċara ta’ dan huwa dak li ġara bil-ġbir tal-iskart wara l-maltempata kbira tal-aħħar jiem.

Il-Gvern għażel li jneħħi l-awtonomija u r-responsabbiltà tal-ġbir tal-iskart minn taħt il-kunsilli lokali biex jieħu kollox f’idejh, bil-konsegwenza li nħolqot sistema li ma tirrispettax u lanqas tisma’ lil min verament imiss mal-problema, fosthom is-sindki, il-kunsillieri lokali u l-kolletturi tal-iskart. Dan wassal biex id-deċiżjonijiet jittieħdu biss b’daqqa ta’ pinna minn fuq il-mejda tal-ministeri, b’mod ineffiċjenti, bla konsultazzjoni u mingħajr pjan ċar ta’ komunikazzjoni mar-residenti.

Fil-każ tal-aħħar jiem spikka l-mod kif in-nuqqas gravi ta’ koordinazzjoni bejn il-Ministeri u l-entitajiet involuti – b’deċiżjonijiet li jinbidlu minn ħin għal ieħor u nuqqas ta’ informazzjoni f’waqtha dwar meta u kif kellu jsir il-ġbir tal-borża s-sewda wara l-maltemp – wassal biex inħoloq kaos amministrattiv, apparti konfużjoni kbira fost iċ-ċittadini.

Minkejja li kien hemm soluzzjonijiet prattiċi, bħall-allokazzjoni ta’ ġranet ta’ ġbir aktar fil-qrib, dawn ma ġewx adottati u minflok, ittieħdu deċiżjonijiet li wasslu għal konfużjoni f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Huwa deplorabbli kif ir-reġjuni u l-kunsilli ġew infurmati b’deċiżjonijiet diġà meħuda, mingħajr ma nżammew parti mid-diskussjonijiet li jwasslu għal dawn l-għażliet, minkejja li huma jkollhom jiffaċċjaw direttament lir-residenti rrabjati u t-tħassib tagħhom. Din it-tip ta’ tmexxija – apparti li tinjora lir-resident tal-lokal – turi nuqqas ta’ fiduċja fil-komunitajiet.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jwissi fuq id-direzzjoni ħażina li qed jieħu l-Gvern fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart u tal-indafa pubblika, u li din il-kriżi kurrenti mhijiex aċċident, iżda frott ta’ snin ta’ deċiżjonijiet politiċi ħżiena u mhux professjonali. Il-fatt li issa Malta qed tiffaċċja kritika u pressjoni fuq il-mod kif qed timmaniġġja s-settur tal-iskart ikompli juri kemm hi serja s-sitwazzjoni.

Filwaqt li jenfasizza li l-ġbir tal-iskart għandu jmur lura f’idejn il-kunsilli lokali, fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista:

·    Jappella biex jiġi rivedut mill-ġdid il-mudell ta’ ċentralizzazzjoni tal-ġbir tal-iskart, b’aktar awtonomija u setgħa reali mogħtija lill-kunsilli lokali;

·    Jerġa’ joffri l-id ta’ ħbiberija u jiddikjara li lest li jgħin biex din il-problema tissolva, anke billi titfassal triq ’il quddiem b’alternattivi li ġew imressqa anke mill-Oppożizzjoni fil-kuntest tal-proposti li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika li ġiet imnedija, u li turi li s-sistema one-size-fits-all mhix qed taħdem;

·    Issejjaħ biex jiġi stabbilit protokoll ċar ta’ konsultazzjoni obbligatorja mal-kunsilli, ir-reġjuni, is-sindki u l-kuntratturi qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtu direttament ir-residenti;

·    Jappella biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni pubblika, b’avviżi ċari, konsistenti u fil-ħin dwar kull tibdil fl-iskeda tal-ġbir tal-iskart.

Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jibqa’ fuq quddiem nett fid-difiża tal-komunitajiet lokali, tal-kunsilli lokali u tal-ħaddiema tal-iskart. Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li s-servizzi essenzjali f’pajjiżna jingħataw b’aktar serjetà, professjonalità u rispett lejn iċ-ċittadini u lejn l-istituzzjonijiet lokali.

Dan intqall fi stqarrija minn Bernice Bonello ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali, Eve Borg Bonello ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika, Liam Sciberras il-President, Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) u Emvin Bartolo id-Direttur tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista.