Lokali

Ir-riżenja ta’ Roderick Galdes turi kemm Abela huwa dgħajjef – PN

Ritratt: Facebook
X’hemm ġdid li wassal biex il-Ministru Roderick Galdes kellu jirriżenja wara ġimgħat jgħid li ma għamel xejn ħażin?

Ir-riżenja ta’ Roderick Galdes minn Ministru turi kemm Robert Abela huwa dgħajjef għax minkejja dak kollu li ħareġ dwar Galdes, ma kienx kapaċi jneħħih u jġiegħlu jwarrab.

Issa jidher ċar li Galdes ma kellux triq oħra ħlief li jirriżenja minn jeddu wara d-diversi stejjer li ġew żvelati fuq ir-rabtiet tiegħu mal-kuntratturi, l-unexplained wealth li għandu u d-deals vantaġġjużi li għamel.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għalfejn dan id-dewmien biex Galdes jirriżenja u x’wassal biex issa f’daqqa waħda, wara ħafna ġimgħat jgħid li ma għamel xejn ħażin u bil-Prim Ministru jiddefendih, illejla qabad u ħabbar li qed jirriżenja.

X’hemm ġdid li wassal biex telaq? Għalfejn wara dan iż-żmien kollu jgħid li ma għandux għalfejn iwarrab, issa irreżenja?

Il-Kap tal-PN Alex Borg ilu ġimgħat isejjaħ għar-riżenja ta’ Roderick Galdes u l-poplu Malti issa għandu kull dritt ikun jaf il-verità kollha wara din ir-riżenja.

Riżenja li turi biss kemm Abela huwa mifxul bl-inkwiet intern u tilef kull kontroll għax ma kienx kapaċi jġiegħel Ministru ewlieni tiegħu li qed jiffaċċja daqstant akkużi serji jwarrab mill-Kabinett tiegħu.