Lokali Qorti

Konfermata r-responsabbiltà ta’ Steward Malta għal arretrati ta’ aktar minn €280,000 fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, ikkonfermat b’mod sħiħ id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ li kkundanna lil Steward Malta Management Limited tħallas is-somma ta’ €283,472.84 f’arretrati ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma, flimkien mal-imgħax kummerċjali u l-ispejjeż.

Il-flus huma dovuti lil Automated Revenue Management Services Limited (ARMS), li aġixxiet f’isimha u f’isem Enemalta plc u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, b’rabta mal-provvista tas-servizzi lill-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-kawża toriġina minn proċeduri ta’ arbitraġġ li nfetħu wara li Steward Malta naqset milli tħallas kontijiet sostanzjali għall-konsum tal-elettriku u l-ilma, minkejja li dawn il-kontijiet baqgħu intestati f’isimha. Fid-deċiżjoni arbitrali tat-24 ta’ April 2024, it-Tribunal laqa’ t-talbiet kollha tar-rikorrenti u ddeċieda li Steward Malta kienet responsabbli għall-ħlas sħiħ tal-ammonti dovuti. 4

Steward Malta appellat minn din id-deċiżjoni, billi ressqet diversi aggravji, fosthom li ma kinitx ġiet notifikata b’mod validu bl-atti tal-arbitraġġ u li ma kinitx il-parti leġittima biex tinżamm responsabbli, peress li l-konċessjoni tal-isptarijiet kienet ġiet terminata mill-Gvern.

Il-Qorti tal-Appell qabel xejn eżaminat l-ilment dwar in-nuqqas ta’ notifika. F’dan ir-rigward, osservat li dan l-aggravju kien jirrigwarda digriet tat-Tribunal tal-10 ta’ Ottubru 2024, li bih it-Tribunal kien iddeċieda li Steward Malta kienet ġiet debitament notifikata. Skont il-liġi, tali digriet seta’ jiġi appellat biss fi żmien qasir u bil-permess speċjali tal-Qorti, ħaġa li Steward Malta naqset milli tagħmel.

Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li dan l-aggravju kien inammissibbli, null u bla effett, u għalhekk ġie miċħud mingħajr ma daħlet fil-mertu tiegħu. Dwar il-kwistjoni ewlenija tar-responsabbiltà, il-Qorti rreferiet għal ġurisprudenza konsistenti li tistabbilixxi li l-konsumatur reġistrat jibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-kontijiet sakemm il-kontijiet jibqgħu intestati f’ismu u sakemm ma jsirx tibdil formali u approvat mill-fornitur tas-servizz.

Il-Qorti enfasizzat li l-fatt li Steward Malta ma baqgħetx topera l-isptarijiet jew li kienet qed tikkontesta t-terminazzjoni tal-konċessjoni f’arbitraġġ separat ma jneħħix l-obbligi tagħha fil-konfront tal-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Skont il-Qorti, dawn huma entitajiet terzi li ma kinux parti mit-tilwima dwar il-konċessjoni u ma setgħux jinġarru l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn Steward Malta u l-Gvern.

Il-Qorti osservat ukoll li Steward Malta setgħet u kellha tieħu l-passi neċessarji biex tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha, bħat-talba għal tibdil fl-intestazzjoni tal-kontijiet jew il-konklużjoni ta’ arranġamenti formali mal-fornituri, iżda dan ma sarx. Il-konsegwenza kienet li l-kontijiet baqgħu jinħarġu f’isimha u l-konsum baqa’ jiġi attribwit lilha legalment.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell kollu kemm hu, ikkonfermat id-deċiżjoni arbitrali tat-Tribunal, u żammet lil Steward Malta Management Limited responsabbli għall-ħlas tal-arretrati, bl-imgħax kummerċjali u bl-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri.

Din id-deċiżjoni tikkonsolida mill-ġdid il-prinċipju li r-responsabbiltà għall-kontijiet pubbliċi tibqa’ marbuta mal-intestazzjoni formali sakemm ma jsirx tibdil validu skont il-liġi. Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ li ikkundannat lil Steward Malta Management Limited għall-ħlas sħiħ tal-arretrati, bl-imgħax u bl-ispejjeż.